Tista’ tispiċċa mingħajr airtime f’nofs kampanja

Jekk il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN japprova lil Marlene Farrugia bħala kandidata Nazzjonalista, hi u l-kandidati ‘tal-oranġjo’ jistgħu jitilfu d-dritt għal airtime fuq it-TV tal-istat...

Jekk kemm-il darba il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, japprova lil Marlene Farrugia bħala kandidata Nazzjonalista fuq termini ta’ ftehim politiku partikolari, kemm hi kif ukoll il-kandidati ‘tal-oranġjo’ se jkunu fil-periklu li jitilfu d-dritt li jkollhom airtime fuq it-televiżjoni tal-istat, bħala partit, f’nofs kampanja elettorali.

Dan apparti li, jekk Farrugia jew kandidati tal-Partit Demokratiku jkunu fuq programmi mhux organizzati mill-Awtorità tax-Xandir, imma minn djar ta’ produzzjoni privati, minn nofs il-kampanja l-preżenza tagħhom tkun waħda tal-PN u allura fl-istess programm ma jistax ikun hemm kandidat ieħor tal-PN, ħlief huma.

Sorsi li tkellmu mal-ILLUM fakkru kif ladarba jsiru n-nomini mal-Kummissjoni Elettorali u tkun ippubblikata l-ballot paper, għall-fini elettorali l-PD ma jibqax jeżisti u jkun biss ftehim bejn il-PN u Farrugia, li permezz tiegħu l-kandidati tal-PD ikollhom spazju fuq il-media.

Dan ifisser li fin-nuqqas ta’ kompromess ċar dwar dehriet fuq ix-xandir bejn Farrugia, dawk l-individwi li ħerġin mal-PD u l-PN, ikun f’idejn il-PN biex jiddeċiedi min imur fuq liema programm, meta u kemm-il darba jkun jista’ jmur.

Intant dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu wkoll illi l-PD jista’ jitlef id-dritt li jkollu spots politiċi li jixxandru fuq it-TVM ladarba jkunu ppubblikati l-ismijiet tal-kandidati u għalhekk l-kandidati tal-PD isiru awtomatikament tal-PN.

 

Naturalment dan kollu jiddependi minn żewġ fatturi. L-ewwel huma d-diskussjonijiet li għaddejjin fi ħdan il-PN bħalissa u li dwarhom ftit jew xejn hemm informazzjoni. Dan anke jekk id-Deputat Kap tal-PD Anthony Buttigieg qal li għad fadal biss ftit dettalji żgħar x’jiġu diskussi, f’artiklu fuq il-gazzetta The Times aktar kmieni din il-ġimgħa.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi qed jarawha pjuttost diffiċli li Deputati Nazzjonalisti, diġà urtati minħabba l-mod kif Farrugia rabtet lill-partit sħiħ b’kumment fuq Facebook, jaċċettaw illi din tingħata xi forma ta’ trattament speċjali jew status ta’ “kandidata stilla”

It-tieni fattur huwa fejn jistgħu jwasslu diskussjonijiet bejn il-PN, Marlene u l-Awtorità tax-Xandir innifisha. “Din hija xi ħaġa kompletament ġdida u wieħed irid jara kif din il-problema se tiġi riżolta. Jekk ma jsirux tibdiliet għal dak li jsir illum, Marlene titlef il-ħin tagħha fuq ix-xandir u tkun tiddependi mill-PN. Jekk le, ikun jeħtieġ illi jintlaħaq qbil anke mal-Partit Laburista, l-Alternattiva Demokratika u l-Moviment Patrijotti Maltin li s’issa huma l-partiti reġistrati li se jikkontestaw l-elezzjoni li jmiss.”

More in Politika