'Dwar il-White Rocks, jew ftehim tajjeb, jew ma jsir ebda ftehim...'

Il-Ministru Cardona ma jikkonfermax jekk sa qabel l-elezzjoni jkunx intlaħaq ftehim dwar il-White Rocks

Ritratt : Arkivji
Ritratt : Arkivji

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ma kkonfermax jekk sa qabel l-elezzoni, ikunx intlaħaq xi ftehim dwar il-bejgħ tal-art tal-White Rocks, hekk kif insista li l-Gvern se jibqa' jistenna sakemm jintlaħaq l-aħjar ftehim possibbli.

Fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-MaltaToday, ġie rrappurtat li n-negozjati bejn il-Gvern u l-konsorzju tax-xerrejja potenzjali tal-art waqqfu hekk kif iż-żewġ naħat ma qablux dwar il-prezz tal-art li fuqha mistennijin jinbnew 70 villa lussuża.

Cardona, li rabat il-karriera politika tiegħu mas-suċċess ta' dan il-proġett sostna li n-negozjati mal-konsorzju tax-xerrejja għadhom għaddejjin u li ż-żewġ naħat dalwaqt jiffirmaw ftehim bejniethom.

Cardona saħaq li l-Gvern qed joqgħod attent dwar kif jinnegozja fuq il-valur tal-art, u li n-negozjati qed ikunu diffiċli minħabba li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA għadhom ma ħarġux il-permessi għall-iżvilupp tal-art.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk il-ftehim hux se jintlaħaq qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Cardona qal li sal-aħħar tal-leġislatura il-Gvern "jew se jagħmel ftehim tajjeb, jew ma jsir ebda ftehim."

Meta mistoqsi jekk hux lest jirriżenja jekk il-Gvern ma jilħaqx ftehim, Cardona daħaq għall-mistoqsija u rrisponda "Intom interessati taraw il-White Rocks żviluppat għall-ġid komuni, jew taraw Ministru jirriżenja? Tajba din, ejja nistennew li jikkonkludu n-negozjati u nimxu minn hemm."

More in Politika