Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qegħda ssejjaħ elezzjoni ġenerali sabiex ittiha mandat dirett biex tkun tista' tkompli d-divorzju tar-Renju Unit minn mal-Unjoni Ewropea.
Din id-deċiżjoni, li ttieħdet tliet ġimgħat biss wara li May bdiet il-proċess formali għall-Brexit, ħasad li bosta politiċi Ingliżi hekk kif daħlu lura minn wara l-waqfa tal-Għid il-Kbir.
May, li ħabbret li l-ezzojoni se ssir fit-8 ta' Ġunju qalet "Għandna bżonn elezzjoni ġenerali, u għandna bżonn waħda issa."
L-elezzjoni fir-Renju Unit suppost kellha tkun fl-2020, iżda May spjegat li din il-bidla u talba għal elezzjoni bikrija saret għaliex hija ikkonkludiet li l-uniku mod biex jiġu garantiti s-sigurtà u ċ-ċertezza għas-snin li ġejjin huwa li ssir elezzjoni issa.
Stħarriġ li sar fl-Għid poġġa lill-Konservattivi 21 punt 'l quddiem mill-Labour, vantaġġ li għandu possibiltà jiżdied. Permezz ta' elezzjoni, May tista' tikseb l-opportunità li tirbaħ mandat dirett għall-ewwel darba biex tkun Prim Ministru.
May ħadet il-kariga ta' Prim Ministru mingħajr vot pubbliku wara li David Cameron irriżenja u wara li -unika rivali li kellha fit-tellieqa għat-tmexxija, Andrea Leadsom, irtitat.
Li kieku May kella tibqa' fil-poter mingħajr vot tal-poplu sal-2020, kienet tkun l-iktar Prim Ministru li dam fil-poter mingħajr elezzjoni minn żmien Winston Churchill waqt it-tieni gwerra dinija.