'Jekk żieda fil-paga minima ma ssirx illum, ma ssir qatt' - Robert Abela

Il-Kandidat Laburista favur żieda fil-paga minima, kontra kontrolli fuq il-kirjiet u b'appell biex tinbidel il-Liġi li tassigura ħlas ugwali għal xogħol ugwali

'Jew issa jew qatt' jgħid Robert Abela dwar il-paga minima
'Jew issa jew qatt' jgħid Robert Abela dwar il-paga minima

 

"Nemmen li issa huwa l-mument, jekk żieda fil-paga minima ma ssirx illum, ma ssir qatt.” Hekk sostna ma' dan is-sit wieħed mill-kandidati li se jkun qed jitħabat biex il-Partit Laburista jimla' l-vojt li se tkun ħalliet Marie Louise Coleiro Preca, li fuq dan id-distrett ġabet eluf kbar ta' voti. Abela saħaq illi hu jemmen, bħal ma jemmnu diversi għaqdiet u individwi mix-xellug, li l-paga minima għandha tiżdied lilhinn miż-żieda fil-COLA.  

Dan is-sit ifakkar lil Abela illi fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru u anke fost il-unjins, teżisti l-biża’ li żieda fil-paga minima twassal għall-pressjoni biex jiżdiedu pagi oħrajn, xi ħaġa li tista’ tkun detrimentali għan-negozji u l-kompettitività. Abela kif iwieġeb għal dan it-tħassib? “Naraha u nifimha iva din id-diffikultà, imma jiena nħoss li dan huwa l-mument li fih għandha tużdiued il-paga minima."

Il-kwistjoni tal-Paga Minima ilha tkun diskussa, imma kien f'dawn l-aħħar xhur li bdiet kampanja permezz ta' 'Kampanja Paga Minima Diċenti' li qed titlob illi jkun hemm żieda ta' €950 fil-paga minima, fuq medda tliet snin. 

Kirjiet: 'Il-kontrolli mhumiex soluzzjoni'

Induru fuq suġġett ieħor; l-għoli, xi minn daqqiet li jiżboq il-100%, fil-kirjiet privati. Vera li dan ġara għax hawn domanda għax-xogħol u ekonomija vibranti, imma issa mur prova fiehem lil min kellu jitlaq minn kirja għax għoliet wisq u ma jistax jieħu self mill-bank. Mur spjega kemm hu tajjeb is-surplus lil min ma jista’ qatt jinvesti f’saqaf fuq rasu. Abela, kemm iħoss li din problema?

Il-mument li tipprova tikkontrolla l-kirjiet se jqumulek is-sidien, se jikkontestaw id-deċiżjoni u se jkollhom raġun Robert Abela

Jibda billi jsejjħilha ‘sfida li rridu nindirizzaw flimkien’ għalkemm jagħmilha ċara, immedjatament u ma jħalli ebda dubju li kull forma ta’ kontroll, hekk kif kienet proponiet Yana Mintoff, m’għandhiex issir. “Il-mument li tipprova tikkontrolla l-kirjiet se jqumulek is-sidien, se jikkontestaw id-deċiżjoni u se jkollhom raġun.”

Jammetti li din il-kwistjoni hija waħda diffiċli biex tinstabilha soluzzjoni li tmur lil hinn minn ‘tbagħbis’ fis-suq għalkemm jagħti indikazzjoni li jemmen li s-soluzzjoni tinstab fis-sussidji li diġà qed jingħataw. 

U kemm jiltaqa’ ma’ ilmenti dwar housing Abela meta jkun qed jiltaqa’ man-nies?

“Hija waħda mill-kwistjonijiet prinċipali fis-sitt distrett,” jammetti.  Mistoqsi jekk iħossx li l-proġett ta’ €50 miljun li għadu kif beda x-xogħol fuqu l-Gvern permezz tal-iskavar f’Ħaż Zebbuġ u li se jkun l-akbar proġett ta’  housing  li sar fil-pajjiż kellux ikun aktar spedit, Abela jwieġeb mill-ewwel li “kien hemm prioritajiet oħrajn.”

Prioritajiet aktar minn saqaf fuq ras in-nies? “Kellek id-dejn nazzjonali, tant li Malta kienet fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, kellek l-Enemalta bi €800 miljun dejn. Kieku kkollassat, kien ikollok effett ikrah fuq il-pajjiż. Dawn l-affarijiet ma kienux se jissolvew f’ġurnata waħda, imma ġew indirizzati b’suċċess.”

“Issa se nibdew nindirizzaw il-problema tal-housing.”

L-istess xogħol, l-istess paga kullimkien

Induru fuq kwistjoni oħra, ix-xogħol prekarju. Dan is-sit tirċievi informazzjoni dwar diversi postijiet tax-xogħol fejn nies qed jitħaddmu bil-prekarjat, iżda l-provi diffiċli ħafna ġġibhom xi kultant. Kemm tinkwetah din il-problema lil Abela?

Ħafna employers li qed issemmi sejrin tajjeb, l-investimenti u l-qligħ tagħhom splodew, allura għall-ħaddiem issibha daqshekk diffiċli biex isib flus u jżidlu l-paga? Robert Abela

“Il-problema teżisti u naf għax naħdem ma’ nies b’dawn il-problemi. L-impjieg prekarju mhux biss flus u kemm taqla’ paga, imma wkoll li titħaddem fuq kuntratt ta’ xahar b’xahar, jew sitt xhur sitt xhur u qatt ma taf fejn qiegħed u ma tistax tieħu self mill-bank.”

Abela, jelenka miżuri li ħa dan il-Gvern f’dan ir-rigward fosthom il-garanzija ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol skont il-liġi meta jingħata tender u pagi indaqs fl-istess post tax-xogħol bejn dawk li jitħaddmu mill-Gvern u dawk li jitħaddmu mal-kuntrattur.

Imma, nistaqsih, fejn ma jidħolx il-Gvern? F’lukandi, f’kumpaniji tas-sigurtà u tat-tindif? Hemm x’jiġri? 

Abela jammetti li f’dan il-każ hemm diffikultà ta’ natura legali. “Hemm employers li jduru magħha u ma jħallsux l-istess paga lil xi ħadd impjegat mal-lukanda u xi ħadd impjegat fl-istess lukanda imma li jaħdem mal-kuntrattur.” Abela jispjega li l-argument li qed jintuża hawn huwa li l-ħaddiema tal-lukanda jitħallsu l-istess bejniethom u l-istess tal-kuntrattur, imma tal-lukanda m’għandhomx għalfejn jitħallsu l-istess daqs tal-kuntrattur (anke jekk jagħmlu l-istess impjieg) “għax dawn il-ħaddiema għandhom employer differenti.” 

“Din l-anomalija għandha tkun indirizzata u allura l-ħlas ikun l-istess. Jien li jdejjaqni,” ikompli jgħid Abela huwa li  “ħafna employers li qed issemmi sejrin tajjeb, l-investimenti u l-qligħ tagħhom splodew, allura għall-ħaddiem issibha daqshekk diffiċli biex isib flus u jżidlu l-paga?”

 

Robert Abela, Kandidat Laburista fis-sitt distrett
Robert Abela, Kandidat Laburista fis-sitt distrett

More in Politika