Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar il-każ tal-qtil ta' Brandon Pace, l-Ispettur Keith Arnaud xehed kif f'dak il-lejl omm il-vittma kienet rat lil binha jaqla' l-aħħar daqqa ta' sikkina f'dahru. Akkużati b'dan il-qtil hemm Joseph u Kurt Grech, il-missier u l-iben rispettivament.
B'kollox, jirriżulta li l-ġlieda kienet tinvolvi ħames persuni; Joseph u Kurt Grech , mart Joseph, Brandon Pace, omm il-vittma u Jessica Bilocca. Iktar tard waslet oħt il-vittma, meta l-ġlieda kienet diġa bdiet.
Kollox beda bi ġlieda dwar ma' min tħalla t-tifel bi kliem pjuttost iebes bejn Jessica Bilocca, omm it-tifel ta' Kurt u l-għarusa ta' Brandon, u omm l-akkużat. It-tifel kien tħalla fl-appartament. Tant saħnet il-qiegħa, li Grech qal lill-Ispettur illi saq sa ħdejn id-dar ta' Bilocca biex jipprova jikkalma l-affarijiet. Il-ġenituri tiegħu saqu warajh u waslu fuq il-post, bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin.
Xħin waslu qam għajjat kbir, bil-vittma u l-familja tiegħu jitfgħu l-madum mill-gallarija għal isfel. Minkejja li ommu widdbitu, il-vittma niżel isfel ħdejn il-familja Grech u l-affarijiet gravaw.
Qed ikun allegat illi l-vittma niżel b'sikkina f'idejh biex jipproteġi lilu nnifsu. Grech ammetta li malli wasal fuq ix-xena tad-delitt kellu żewġ skieken, huwa qal li kellu dawn is-skieken biex jipproteġi lilu nnifsu.
Wara l-ġlieda, Bilocca, Kurt Grech u ommu kollha spiċċaw l-Isptar Mater Dei għal trattament. Grech kellu ferita fuq sidru, filwaqt li Bilocca kellha ferita f'saqajha. Omm l-akkużat kellha tieħu trattament minħabba li kienet taħt xokk.
L-Avukat Roberto Montalto and Noel Bianco rrapreżentaw lill-akkużat.