"Bdiet il-qlajja li l-mara tiegħi jew xi membru tal-familja tiegħi għandhom xi kont. Niġi hawn quddiemkom għax la jien la marti u la ħadd mill-familja tagħhna m’għandu kumpanija, la kont u lanqas ħaġa u oħra li mhumiex iddikjarati,”
Dan qalu L-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ilejla quddiem il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, b'reazzjoni għall-implikazzjoni li xi ħadd, b'mod speċjali martu Michelle Muscat hija l-proprjetarja ta' Egrant Inc.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq, indirettament u b'implikazzjonijiet sottili, li Muscat huwa sid il-kumpanija Egrant. Minn naħa tiegħu Muscat dejjem ċaħad dan, filwaqt li l-gazzetta Maltatoday kienet ikkwotat lil Brian Tonna minn Nexia BT jgħid li fil-fatt il-kumpanija kienet shelf company biex tinbiegħ lil xi ħadd.
Intant id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wissa lill-uffiċjali tal-partit biex ikunu lesti għal żieda "fl-attakki vendikattivi" fil-kampanja elettorali minn dik li sejjħilha oppożizzjoni "li tinsab dahra mal-ħajt."