Il-problema tal-kirjiet ‘niffaċċjawha mhux naħarbuha’
Illum, il-PL se jlaqqa’ konferenza dwar il-kirjiet privati bġala parti mill-Konferenza Ġenerali
More in Politika
Illum, il-PL se jlaqqa’ konferenza dwar il-kirjiet privati bġala parti mill-Konferenza Ġenerali
Il-kwistjoni taż-żieda, ħafna drabi eżorbitanti, fil-prezzijiet tal-kirjiet privati se terġa' tkun taħt il-lenti din il-ġimgħa hekk kif bħala parti mill-Konferenza Ġenerali tiegħu l-Partit Laburista se jorganizza konferenza dwar il-kirjiet. F’din il-konferenza mistennija jkun hemm diversi għaqdiet u kelliema mill-ispettru kollu ta’ din il-kwistjoni pjuttost ikkumplikata, li rat il-bidu tagħha fuq il-media minn din il-gazzetta, bi proposti minn Yana Mintoff għal kontrolli fil-prezzijiet tal-kirjiet privati.
Matul dawn l-aħħar xhur, il-gazzetta ILLUM irrapurtat diversi esperjenzi, mhux biss ta’ nies li spiċċaw raw qabża kbira fil-kera li jħallsu kull xahar, imma wkoll esperjenzi ta’ nies li la jistgħu jħallsu kera jew jingħataw self mill-bank. Skont statistika maħruġa mill-Istatistics on Income and Living Conditions (SILC) fl-2014, Malta kien hawn 62,200 persuna li la jifilħu jħallsu kera u lanqas jifilħu jieħdu self mill-bank biex ikunu jistgħu jixtru l-proprjetà tagħhom.
Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk il-konferenza hux riżultat ta’ pressjoni li qed issir fuq il-Partit minħabba din il-kwistjoni, l-President tal-Partit Laburista Daniel Josè Micallef ċaħad dan. “Hemm realtà li aħna konxji tagħha u huwa għalhekk li ħassejna li kellna niddiskutu din it-tema. Għażilna tema,” ikompli jgħid Micallef, “b’laqta soċjali imma li mhix faċli lanqas.”
Micallef ifakkar kif minkejja li hemm min qed ibati u qed iħoss l-għafsa, hemm ukoll familji u individwi li ddeċidew li jixtru post jew appartament u li minnu qed jagħmlu investiment tajjeb bħalissa. “U hawn m’aħniex qed nitkellmu fuq familji miljunarji,” ifakkar Micallef.
Minkejja li dak li qed jgħid il-President tal-PL huwa minnu, xorta jibqa’ fatt li għax ħafna sejrin tajjeb, min sejjer ħażin tiegħu jara. F’din il-konferenza l-PL se joffri soluzzjonijiet?
Micallef jibda billi jfakkar illi dan il-Gvern diġà beda jagħmel xi ħaġa dwar din il-problema. “Fl-aħħar baġit, il-Gvern irdoppja s-sussidji u wara l-istess baġit il-PM Muscat tkellem b’mod mill-aktar ċar ukoll dwar is-suġġett, fil-fatt wera li se jkun pjuttost deċiżiv.”
Micallef kien qed jirreferi għall-istqarrija tal-PM Joseph Muscat li fuq l-istazzjon ONE qal li għalissa l-Gvern se jara kif is-sitwazzjoni se tkompli tiżviluppa biż-żidiet fis-sussidji qabel jieħu aktar azzjoni. Fin-nuqqas li is-suq ma jirregolax lilu nnifsu bl-għajnuna fis-sussidju u anke b'taxxi inqas għas-sidien, “se nirregolaw u nibdew diskussjonijiet biex naraw kif se nirregolaw,' sostna Muscat li qal ukoll li hu mhux se jibża' jieħu l-azzjoni li hemm bżonn.”
Is-sussidju kien ivarja minn €66.67 sa €83.33 skont id-dħul u d-daqs tal-familja. Wara l-baġit li kien ippreżentat is-sena l-oħra, dan issa rdoppja, jiġifieri tela’ għal bejn €133.34 u €166.66.
Micallef qal li din il-konferenza, li se tkun qed tittella' illum, mistennija tkun pjattaforma illi fiha jkun hemm diskussjoni bejn ir-rappreżentanti kollha li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ dan is-suġġett. Se jkun qed jagħti l-veduti tiegħu wkoll il-PM Joseph Muscat u l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia.