Issa tista' tiċċekkja l-benefiċċji soċjali tiegħek online

Imnedija Online Calculators għall-benefiċċji soċjali

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia nieda sett ta’online calculators għall-benefiċċji soċjali.

Farrugia spjega kif id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed iniedi sitt Web Apps li jikkonsistu kif gej:

Erba’ online calculators  tal-benefiċċji fejn permezz tagħhom, b’mod faċli, persuna tkun tista’ iddaħħal sett minimu ta’ informazzjoni mandatorja bħala bażi għal determinazzjoni, preċiża kemm jista’ jkun, tal-benefiċċju potenzjali tagħha. Il-Ministru Farrugia qal illi huwa mistenni li din l-inizjattiva tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riżorsi umani li b’hekk ikunu jistgħu jiġu utilizzati b’mod aktar effiċjenti. Permezz ta’ dawn l-online calculators, persuna ssir taf x’rata jista’ jkollha dritt għaliha fejn jidħlu dawn il-benefiċċji:

  • Allowance tat-Tfal
  • Benefiċċju ta’ Waqt l-Impjieg (In-Work Benefit)
  • Benefiċċju tal-Mard
  • Benefiċċju tal-Qgħad

Iż-żewġ Web Apps l-oħra jassistu lill-utent billi, juru r-rati tal-benefiċċji kollha li jipprovdi d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kif ukoll id-dati ta’ meta dawn il-benefiċċji jkunu ser jitħallsu. B’hekk l-istess utent ma jkollux il-ħtieġa li jirrikorri għand l-istess Dipartiment, qal il-Ministru Farrugia .

Biex persuna taċċessa dawn is-servizzi online jew fuq il-mobile tagħha, kulma trid tagħmel huwa li tidħol fis-sit https://dssservices.gov.mt/

 

Il-Ministru Farrugia qal ukoll li hu ppjanat li fil-ġimgħat li ġejjin titnieda calculatorġdida għall-Pensjoni tal-Irtirar, sabiex  b’mod faċli, tingħata stima tal-intitolament għall-pensjoni ladarba persuna tirtira.  Bħala persuna  mwielda fl-01/01/1952 jew wara, u li taspira li tirtira, tista’ ddaħħal sett minimu ta’ informazzjoni mandatorja bħala bażi għal determinazzjoni preċiża kemm jista’ jkun, tal-pensjoni potenzjali tiegħek.  

“Matul ix-xhur li għaddew tnedew 23 formola online li permezz tagħhom il-pubbliku se jkun jista’ jissottometti t-talba tiegħu għall-benefiċċji.  Hu ppjanat li fil-ġimgħat li gejjin ser jiżdied l-għadd ta’ formoli online sabiex il-pubbliku jkun jista’ jinqeda aħjar. Dawn il-formoli online jistgħu jiġu aċċessati billi wiehed iżur is-sit https://socialsecurity.gov.mt/eforms/”, qal il-Ministru Farrugia.

Farrugia spjega kif matul is-sena 2017, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali kompla bil-ħidma sabiex ikompli jwettaq il-viżjoni tal-Gvern fejn il-pubbliku jkun jista’ jaċċessa s-servizzi governattivi mill-mobile 24 siegħa kuljum, minn kullimkien u matul is-sena kollha.

Infetħu ħames ċentri reġjonali ta’ servizz.gov flimkien mal-uffiċċji distrettwali eżistenti, fejn il-pubbliku jista’ jinqeda wiċċ imb’wiċċ mill-qalba tal-komunità fejn jgħix, kif ukoll mis-servizz ta’ customer care offrut permezz tal-Freephone 153. 

"It-tnedija ta’ dawn is-sitt Web Apps qed issir f’kuntest usa’ ta’ pjan ħolistiku li jrid jara s-servizzi pubbliċi aktar disponibbli għaċ-ċittadin billi jkunu aċċessibbli 24 siegħa kuljum u minn kullimkien” temm jghid il-Ministru Farrugia.

More in Politika