Il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li sejħet kemm għall-Prim Ministru u għall-Kap tal-Oppożizzjoni għal laqgħa, wara li ħadet parir mill-konsulenti kostituzzjonali tagħha, nhar is-Sibt li għadda.
Sostniet li, "l-poteri tal-President ta’ Malta huma limitati mill-Kostituzzjoni innifisha u jiena ser neżerċita dawk il-ftit poteri lili mogħtija."
Coleiro Preca żiedet tgħid li f’dan l-istadju, mhux ser tkun qed tagħmel aktar dikjarazzjonijiet fuq din il-materja, sabiex l-istituzzjonijiet indipendenti jagħmlu xogħolhom.
"Malta hija demokrazija, u l-liġi trid tiġi osservata minn kulħadd,” temmet tgħid il-President.
Iktar kmieni, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar dan fi tweet fejn qal li f'din il-laqgħa, se jkun qed jitlobha, "sabiex tuża l-awtorità tagħha sabiex issolvi din il-kriżi."
Waqt il-protesta tal-bieraħ imsejħa mill-Partit Nazzjonalista, Busuttil fid-diskors tiegħu kien talab lill-President sabiex tintervjeni u tuża l-awtorità morali tagħha, u titlob għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat, fid-dawl tal-allegazzjonijiet li l-kumpanija fil-Panama Egrant, għandha lil mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat bħala l-benefiċjarju tagħha.