Justyne Caruana fuq il-faċċata u intervistata minn magazin Ewropew

Matul il-presidenza Malta se tniedi l-proġett pilota ‘Dementia Friendly village’ fil-villaġġ ta’ San Lawrenz

L-organizazzjoni Alzheimer Europe tippublika l-magazine Dementia in Europe darbtejn fis-sena b’ċirkolazzjoni ta’ madwar 3,500 li jitqassam lil membri Parlamentari Ewropej kollha u anke lil dawk l-uffiċċjali għolja fil-kumissjoni ewropea li jieħdu d-deċiżjonijiet importanti fuq l-ogħla livell fl-Ewropa. Dan jitqassam ukoll lil min jagħmel il-liġijiet u politiċi fil-pajjiżi kollha li huma membri fl-assoċjazzjoni ta’ Alzheimer Europe. Barra hekk dan il-magazine jinqara minn professjonisti, akkademiċi u xjenzati li jaħdmu fuq diversi proġetti fuq din il-marda.

L-aħħar pubblikazzjoni ta’ April li għadu kif ħareġ fuq il-qoxra tiegħu hemm ritratt tas-segretarju parlamentari għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilita u anzjanita attiva, Justyne Caruana li saritilha intervista dwar id-dementia.

Justyne Caruana f’din l-intervista li l-ILLUM se jittrasferiha fuq il-paġni tagħna sabiex wieħed ikun jaf eżatt x’qalet ir-rappreżentanta Maltija dwar kif qed jindirizza id-dementia l-Gvern Malti waqt il-presidenza. L-ILLUM irnexxielu jakkwista kopja ta’ dan il-magazine tal-ogħla livell li wieħed ma jistax jsib jixtrih minn xi ħanut tal-kotba, għalkemm wieħed jista jsibu biex jixtrih online [email protected].

Fl-intervista tagħha meta mitluba tgħid liema tara bħala l-akbar prijorita u l-akbar sfida fil-ġlieda kontra d-dementia, Justyne Caruana wieġbet li id-dementia hi l-akbar kawża ta’ dizabilita u dipendenza fost l-anzjani madwar id-dinja kollha, “li għandha impatt qawwi mhux biss fuq l-individwi innifsihom iżda fuq dawk li jieħdu ħsiebhom, il-familji tagħhom, il-komunitajiet u s-soċjetajiet. Fid-dawl li l-eta tal-ħajja twalet, il-figura għal din il-marda mistennija li tiżdied ukoll. Konsegwenza diretta ta’ dan kollu hi n-nefqa dejjem tikber tal-gvern, tal-kommunitajiet, familji u l-individwi u n-nuqqas ta’ produttivita għall-ekenomiji nazzjonali.

Justyne Caruana semmiet ukoll li fl-2015 in-nefqa fuq din il-marda kienet ta’ $818 biljun ekwivalenti għal 1.1% tal-GDP. Sal-2030 hu stmat li n-nefqa titla b’mod astronomiku għal $2 triljuni. Somma li taffetwa l-iżvilupp globali tas-servizzi soċjali u s-sistemi ta’ ‘longterm care’. “Dan il-fatt ingħata importanza kbira waqt il-laqgħa ministerjali tal-WHO fejn id-dementia ġiet deskritta bħala l-isfida kontemporanja.”

Is-segretarju parlamentari Maltija kompliet tgħid li dawk li jbatu bid-dementia u l-familji tagħhom jiffaċċjaw impatt finanzjarju sinjifikanti, sew f’infieq għas-saħħa tal-pazjent u anke min-nuqqas ta’ dħul fil-familja. “F’pajjiżi li għandhom dħul għoli in-nefqa relatata mad-dementia hi maqsuma bejn il-kura informali u l-kura soċjali. Iżda f’dawk il-pajjiżi ta’ dħul baxx jew tan-nofs, il-kura soċjali hi inqas importanti meta mqabbla man-nefqa tal-kura informali.

“Iż-żieda spoporzjonata fid-dementia f’dawn il-pajjiżi ta’ dħul baxx jew medju, li jinkludu pajjiżi Ewropej se jikontribwixxu biex tiżdied l-inugwaljanza bejn pajjiżi u popli. L-akbar prijorita tal-ewropa biex tiġġieled kontra d-dementia hi li tnaqqas din id-differenza bejn il-bżonn tal-prevenzjoni, trattament u kura għal proviżjoni attwali ta’ dawn is-servizzi. Id-dementia għada lura f’dik li dijanjożi tagħha u dan madwar id-dinja kollha u meta ssir id-dijanjożi issir meta l-marda tkun diġa fi stat tardiv. Għalhekk it-triq twila għal kura tal-pazjenti ħafna drabi hi fragmentata jekk mhux għal kollox nieqsa. In-nuqqas ta’ għarfien tad-dementia kultant hu l-akbar tort fejn dan jirriżulta fi stigma u barrieri għal dijanjożi u kura. Nies bid-dementia ħafna drabi jiġu mċaħħda mid-drittijiet umani sew mill-kommunita tagħhom kif ukoll mid-djar tal-kura.

Caruana semmiet ukoll l-każ interessanti fejn in-nies li jbatu bid-dementia mhux dejjem ikunu involuti fid-deċiżjonijiet għal proċessi u x-xewqat tagħhom u l-preferenza tagħhom ta’ kura ħafna drabi ma tkunx rispettata. L-akbar sfida għall-Ewropa li tikkometti bis-sħiħ għal approċċkomprensiv li jinkludi servizzi tas-saħħa u tas-setturi soċjali b’enfażi fuq promozzjoni ta’ ‘well being’ u saħħa, prevenzjoni, trattament, rihabilitazzjoni u kura għal pazjenti bid-dementia.”

Ir-rappreżentatna Maltija għal presidenza fuq id-Dementia ġiet mistoqsija jekk Malta hux se tieħu xi azzjoni speċifika fuq id-dementia, “F’Mejju se norganizzaw f’Malta il-laqgħa teknika tal-esperti mill-grupp tal-EU fuq id-dementia. It-tema se tkun ‘Il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ dawk bid-dementia’, u b’hekk inkunu qed niffukaw fuq il-perspettiva tad-drittijiet soċjali u umani.

“B’dan f’moħħna riċentament ippromulgajna leġislazzjoni importanti li tirrigwarda l-mandati li jingħataw minn persuna fl-antiċipazzjoni tal-inkapaċita tiegħu jew tagħha bl-introduzzjoni ta’ slvagwardji legali u skrutinju tal-qorti biex tiżgura l-eżekuzzjoni propizja tal-mandati li jingħataw qabel il-persuna jinħakem mill-inkapaċita.” Filwaqt li semmiet il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali fejn il-verżjoni finali se tkun pubblikata waqt il-presidenza Maltija, Justyne Caruana kompliet tgħid li Malta qed tieħu approċċ proattiv biex tindirizza l-isfida tad-Dementia. “Il-viżjoni tagħna hi li fil-futur Malta tkun nazzjon ‘dementia-friendly’. Viżjoni li anke jekk hi diffiċli jaqblu magħha sew l-unjoni Ewropea u anke l-istati membri.”

Caruana qalet li f’din il-presidenza Malse tippreżenta l-proġett pilota, ‘Dementia Friendly Village’ fil-lokalita ċkejkna ta’ San Lawrenz f’Għawdex. “Dan il-proġett pilota qed jinħadem mill-esperti tas-segretarjat tiegħi flimkien mal-kunsill lokali u se jkun l-ewwel wieħed f’dan il-kunċett ta’ kommunita ‘dementia friendly’. Il-lokalita ta’ San lawrenz intagħżlet għax hi ideali u tista sservi bħala mudell għal lokalitajiet oħra, speċjalment li din il-lokalita hi waħda ċkejknam b’popolazzjoni anzjana u bl-akbar inċicdenza ta’ dementia. Dan il-proġett mhux se jibbenefikaw minnu biss l-anzjani bid-dementia iżda anke l-kommunita kollha in ġenerali. Il-familji u r-residenti qed juru entużjażmu inkoraġġanti fil-laqgħat ta’ introduzzjoni kif jistgħu jgħixu flimkien u jissaportjaw lil familjari u lil ġirien tagħhom bid-dementia.”

Caruana qalet ukoll li anke l-kunsill lokali qed jgħin ħafna għal dan il-proġett billi qed jagħmel sinjali ta’  b’direzzjoni disinjati apposta bie xjgħinu lil dawk bid-dementia jkunu jafu fejn jinsabu. “Determinati li naqsmu l-idejat tagħna u l-esperjenzi tagħna mal-istati membri kollha fl-Ewropa waqt din il-presidenza. U dan ix-xogħol kollu ilu għaddej għal dawn l-aħħar tliet snin b’laqgħat multi u bilaterali biex inkomplu nsaħħu l-inklużjoni soċjali bħala prijorita assoluta tal-presidenza maltija. L-elementi fundamentali tat-tkabbir tagħna bħala mudell kienu u jibqgħu jkunu bażati fuq l-ekwalita, l-ekwita u l-inklużjoni soċjali – li huma l-prinċipju bażiċi fejn malta trid tasal matul din il-presidenza. Irridu nerġgħu nagħtu ħajja lil valuri  oriġinali li nbniet fuqhom l-UE u nagħfsu fuq l-aspetti soċjali bażiċi li għandhom jagħmlu l-Ewropa aktar relevanti mal-popli.”

Justyne Caruana kompliet tgħid li anke jekk l-Ewropa qed taħdem qatigħ dwar l-għarfien xjentifiku u diskussjonijiet dwar id-dementia, “hemm miljuni hemm barra, flimkien mal-familjari tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom li qed jistennew minnha proposti li effetivament jilħqu ma’ dak li qed jistennew. U dak fejn il-presidenza maltija trid tasal – Il-laqgħat u d-dibattiti huma neċessarji, iżda l-poplu azzjoni jrid minn għandna.”

Mistoqsija jekk il-presidenzi ta’ wara Malta se jagħtu garanzija li d-dementia se tibqa fuq il-prijorita tagħhom, is-segertarju parlamentari Maltija wieġbet li hu importanti li l-pajjiżi kollha Ewropej jgħarfu li l-azheimer u d-dementia huma sfida kbira fis-saħħa tal-popli tagħhom. “Il-pjani ta’ kull pajjiż irid ikun sapportjat bi programm finanzjarju. Hemm pajjiżi li jixtiequ u għandhom pjani dwar id-dementia iżda m’għandhom finanzi biex iwettquhom. Għalhekk kellna laqgħat mal-presidenza Olandiża u anke Slovakka biex niżguraw li x-xogħol kollu li sar fil-qasam tad-dementia jitkompla u jissaħħaħ fix-xhur u snin li ġejjin. Fil-fatt pproponejna bie xikun hemm dikjarazzjoni li għamilna flimkien li tiġi sottomessa lil Kumissjoni Ewropea biex insaħħu l-bżonn li d-dementia tibqa fuq l-ogħla aġenda tal-UE.”

Mistoqsija kif se tibqa tissaportja l-iżvilupp starteġiku tad-dementia, Caruana semmiet ix-xogħol kollu li qed isir f’Malta dwar din il-marda u l-programm li hemm li maħsub għat-tmien snin li ġejjin, “iżda nemmen bis-sħiħ li d-dementia ma tistax tingħeleb minn pajjiż wieħed. Iżda permezz ta’ sforz koordinat Ewropew/Globali li nistgħu niffaċċjaw l-isfida tad-dementia b’suċċess. B’dan kollu f’moħħna Malta sponsorjat avveniment dwar id-dementia f’Ġinevra is-sena l-oħra waqt il-laqgħa ġenerali tal-WHO u mbuttajna biex id-dementia tkun fuq quddiem tal-aġenda tal-laqgħa ġenerali li jmiss tal-WHO. Malta temmen f’approċċ globali tad-dementia u qed tinkoraġixxi b’mod attiv id-‘drafting’ tal-pjan ta’ azzjoni globali tal-WHO. Il-WHO tgħaqqad l-ministri kollha minn madwar id-dinja f’dan is-settur u dan ifisser li aħna kollha se niġu nkoraġġiti biex nikkoperaw u nikkunsidraw l-politika tad-dementia għal futur. Dan il-pjan se jagħti triq u jinkoraġixxi lil dawk li jagħmlu l-politika biex jikkomettu ruħhom li jaħdmu fuq approċċ ħolistiku u komprensiv fuq id-dementia.”

 

More in Politika