Il-partit tal-Ħodor, Alternattiva Demokratika se jkunu qed jagħmlu diskussjonijiet interni sabiex jiġi deċiż jekk il-Partit, għandux jaċċetta l-proposta tal-Partit Nazzjonalista sabiex jiddiskuti miegħu it-termini ta' koalizzjoni potenzjali.
Il-gazzetta MaltaToday żvelat kif il-viċi kap tal-PN, Mario de Marco kkonferma li hu kien f'kuntatt mal-viċi chairman ta' Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo sabiex jipproponi laqgħa bejniethom u bejn il-kapijiet taż-żewġ partiti.
"Għadu prematur li nikkumenta f'dan l-istadju, però għandi rispett kbir lejn Alternattiva Demokratika bħala partit u naħseb li għamlu ħafna ġid f'dan il-pajjiż. Jekk issir koalizzjoni, tkun ħaġa tajba. Irridu nippreżentaw front magħqud," sostna de Marco.
Min-naħa tiegħu, Cacopardo qal lill-gazzetta li AD se tkun qed tagħmel diskussjonijiet interni sabiex tiddetermina jekk għandhiex taċċetta t-talba ta' de Marco għal laqgħa.