Muscat: 'Busuttil għadu ma marx il-Qorti bil-provi tal-gideb fuqi u fuq marti'

  • Joseph Muscat jgħid li hu jista' jaħlef għal dawk ta' madwaru
  • 'Huwa prattikament impossibbli li xi ħadd ibagħbas fl-iskema taċ-ċittadinanza'
  • Jisħaq li mhu se jħalli lil ħadd 'jiġġammja' l-ekonomija

(arkivji) Il-PM Joseph Muscat
(arkivji) Il-PM Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, milqugħ biċ-ċapċip mill-ħaddiema fil-fabbriki Trelleborg Sealing Solutions u Sterling Chemical Malta Limited, li żar dalgħodu għamilha ċara li hu mhu se jħalli lil ħadd jiġġammja l-ekonomija u lill-pajjiż. L-għada li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel akkużi serji fil-konfront taċ-Chief of Staff tiegħu, il-PM sostna li hu jista' jaħlef għal dawk ta' madwaru. 

Busuttil akkuża lil Schembri b'tixħim ta' flus mill-iskema ta' ċittadinanza, liema flus allegatament għaddew lilu minn Brian Tonna f'kont li Schembri jidher li għandu fil-bank Pilatus.

Muscat fakkar li din l-istorja kollha fil-fatt kienet ippubblikata minn Daphne Caruana Galizia sena ilu u staqsa għalfejn ħadd ma nvestiga dakinhar. Minkejja dan, Muscat qal li Busuttil sewwa jagħmel imur il-Qorti u jagħti l-provi, sabiex tkun tista' toħroġ il-verità. Fakkar ukoll, għall-mistoqsija tal-media tal-PN li l-istess arranġament kien sar mal-Media.link, meta Schembri f'isem il-kumpanija Kasco kien sellef/ta b'servizzi, flus lil din il-kumpanija li mbagħad riedet titħallas lura. 

Il-PM Muscat għamilha ċara li hu mhu se jħalli lil ħadd jiġġammja pajjiż u l-ekonomija. 

Misqtoqsi jekk jibżax li hu jew xi ħadd mill-'klikka' jmur il-ħabs, Muscat wieġeb li "jmur il-ħabs minn jiffalsifika l-invoices," b'referenza għall-każ tal-invoices li allegatament għaddew bejn il-PN u l-kumpanija db u li s'issa qatt ma kienu pubbliċi. 

Meta mistoqsi dwar l-iskema taċ-ċittadinanza, u jekk din għandhiex tiġi temporanjament sospiża minħabba l-allegazzjonijiet li qed jittieħdu flus minnha bħala commisions, Joseph Muscat qal li din l-iskema għandha regolatur li jikkontrollaha u huwa proċess trasparenti. Sostna li, "huwa prattikament impossibbli li xi ħadd ibagħbas ma' din l-iskema."

 

More in Politika