Jintlaħaq qbil dwar żieda fil-paga minima
Joseph Muscat iħabbar li ntlaħaq qbil mal-imsieħba soċjali dwar żieda fil-paga minima
More in Politika
Joseph Muscat iħabbar li ntlaħaq qbil mal-imsieħba soċjali dwar żieda fil-paga minima
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ntlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali dwar żieda fil-paga minima.
Permezz ta' tweet, il-Prim Ministru qal kif jinsab kburi ħafna b'din il-kisba ta' qbil nazzjonali.
Dan jiġi wara li fil-ġranet li għaddew, ħabbar li dan il-ftehim kien 'imminenti'.
Government and social partners have reached National Agreement on increasing Minimum Wage. So proud of this accomplishment. Details soon -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) April 26, 2017
Intant, fi stqarrija il-Gvern qal li dan hu l-ewwel ftehim simili bejn l-imsieħba soċjali kollha mill-1989 meta ġie stabbilit il-mekkaniżmu tal-COLA li jinkludi mhux biss żieda fil-paga minima iżda wkoll żidiet oħra u mekkaniżmu ta’ kif il-paga minima se tkun riveduta fis-snin li ġejjin.
L-iffirmar ta' dan il-ftehim għandu jseħħ nhar il-Ġimgħa li ġej wara li ċ-Chairman tal-MCESD ikkonferma l-qbil tal-imsieħba soċjali, liema ffirmar għandu jkollu wkoll il-preżenza tal-Oppożizzjoni li diġà qalet li se tkun qed taqbel ma’ kull ftehim li jintlaħaq, u għaldaqstant, hi mistiedna.
Il-Prim Ministru laqa’ bil-ferħ il-Ftehim Nazzjonali u ddeskrivieh bħala suċċess ieħor storiku. “Din hi ħolma oħra li qed issir realtà fl-istess ġimgħa li rreġistrajna surplusta’ aktar minn €100 miljun, diġà lħaqna rata ta’ impjiegi tal-2020, naqqasna l-faqar bin-nofs u qtajna darba għal dejjem il-heavy fuel oil. Ir-roadmap li għażlu l-familji u n-negozji qed tirnexxi”, qal il-Prim Ministru.
Hu rringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lil min iħaddem, u t-tmexxija tal-MCESD li nnegozjaw mal-Gvern, kif ukoll lid-Deputat Prim Ministru li mexxa miegħu dawn in-negozjati ma’ rappreżentanti miż-żewġ naħat.
Min-naħa tagħha, il-Kampanja Paga Minima Diċenti qalet li tilqa' b'sodisfazzjon din l-aħbar, li ser iwassal biex għall-ewwel darba f’madwar erbgħin sena, il-paga minima f’Malta ser togħla.
Minkejja dan, il-Kampanja Paga Minima Diċenti (KPMD) ttenni t-talba tagħha għal żieda ta’ 11% tal-paga minima mifruxa fuq tliet snin, biex iż-żieda li tingħata tkun ġenwina u ġusta. "L-ekonomija b’saħħitha li hawn żgur tiflaħ għal żieda daqshekk prudenti," temmet tgħid il-KPMD.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, b'reazzjoni qal li jilqa’ b'sodisfazzjon l-aħbar tajba li l-imsieħba soċjali waslu fi ftehim għal żieda fil-paga minima.
"Kif ilni ngħid fix-xhur li għaddew, la darba dan il-ftehim intlaħaq bejn l-imsieħba soċjali, jiena nappoġġjah. Dan huwa pass li juri maturità kemm mit-trade unions kif ukoll mill-għaqdiet ta’ min iħaddem. Il-ħaddiema bil-paga minima jixirqilhom li l-paga tiżdied," sostna Busuttil.
Simon Busuttil qal li jappoġġja dan il-ftehim u qal li jimpenja ruħu li Gvern ġdid Nazzjonalista jwettqu.