Rekord fit-turiżmu fix-xitwa...żieda ta' 22% fuq ix-xahar ta' Marzu
Iktar investiment fis-settur tat-turiżmu b'investiment ta' €18-il miljun fil-lukanda Dolmen
minn Staff Reporter
Waqt inawgurazzjoni ta’ €18-il miljun f’investiment tal-lukanda Dolmen, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, akkumpanjat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, faħħar lis-sidien għal dan l-investiment favur titjib fil-prodott offrut lit-turist f’din il-lukanda ta’ erba’ stilel fl-akkwati tal-Qawra, u li bi proġett infrastrutturali fl-istess żona l-Gvern se jirranġa l-madwar għal livell ogħla.
“Dan l-investiment se jiżgura li l-faċilitajiet provduti f’din il-lukanda jibqgħu jżommu l-istandards li l-viżitaturi jistennew meta jżuru lukanda ta’ erba’ stilel bħalma hi l-lukanda Dolmen”, qal il-Ministru Zammit Lewis.
Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm ir-rinnovazzjoni u t-tisbiħ taċ-ċentru tal-konferenzi ‘Oracle’ b’installazzjoni ta’ apparat awdjoviżiv avant-garde u b’żieda fin-numru ta’ kmamar tal-konferenzi li issa telgħu għal 17-il kamra. “Dan żgur ipoġġi lil-lukanda Dolmen bħala faċilità ewlenija fis-segment tal-MICE fil-kategorija tal-lukandi ta’ erba’ stilel”, qal il-Ministru.
Fid-dawl tal-pubblikazzjoni tal-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rigward in-numru ta’ turisti li ġew Malta f’Marzu li għadda u fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-Ministru Zammit Lewis esprima sodisfazzjon hekk kif reġgħet ġiet irreġistrata xitwa oħra fantastika għas-settur turistiku. F’Marzu li għadda kien hemm żieda ta’ aktar minn 22% meta kkumparat ma’ Marzu tal-2016, b’nefqa turistika li tlaħħaq €96.5 miljun, kważi 12% aktar mill-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena pajjiżna laqa’ kważi 350,000 turist. “Dan hu rekord assolut hekk kif it-tkabbir li seħħ bejn Jannar u Marzu 2017, dak ta’ 23.7%, kien l-akbar wieħed li qatt sar fl-istess żmien tas-sena minn mindu ilha tinġabar l-istatistika permezz ta’ Tourstat”, kompla l-Ministru.
Il-Ministru laqa’ dawn iċ-ċifri bi pjaċir hekk kif ġie kkonfermat li bejn Jannar u Marzu tas-sena 2017 l-iljieli mqattgħin mit-turisti f’pajjiżna telgħu għal 2.27 miljun, filwaqt li n-nefqa turistika laħqet iċ-ċifra ta’ €237.2 miljun, jew aħjar 13.3% aktar minn dik irreġistrata fl-istess xhur tas-sena 2016, u li ssarraf fi kważi €28 miljun ta’ aktar dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Matul din il-leġiżlatura esperjenzajna żieda ta’ 131,700 fin-numru ta’ turisti fix-xhur tax-xitwa. Matul l-aħħar għaxar snin ta’ gvern preċedenti (2003-2013) n-numru ta’ turisti li żdiedu bejn Jannar u Marzu kien ta’ 47,300. “Dan ifisser li l-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-ewwel tliet xhur tas-sena f’dawn l-aħħar erba’ snin irreġistrajna tkabbir li jlaħħaq mat-tliet darbiet u nofs aktar milli rreġistra gvern preċedenti fl-istess xhur imsemmija f’għaxar snin sħaħ”, spjega l-Ministru.
Dawn iċ-ċifri straordinarji ma ġewx reġistrati b’kumbinazzjoni u għaldaqstant jikkonfermaw l-importanza u l-bżonn ta’ investimenti fil-prodott turistiku, bħall-investiment tal-lukanda Dolmen. Is-settur privat jilgħab parti importanti fit-tisħiħ tal-prodott turistiku l-aktar fil-qasam tal-akkomodazzjoni peress li t-turist ifittex l-aqwa servizz u l-kumdità fl-għażla tal-akkomodazzjoni għal waqt iż-żjara tiegħu. “Il-Gvern hu konxju ta’ dan u hu impenjat bis-sħiħ sabiex jiffaċilita u jgħin sabiex dawn l-investimenti iseħħu bl-inqas xkiel possibbli b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fil-burokrazija u inċentivi oħra li jinkoraġġixxu lis-settur privat biex jinvesti aktar”, qal il-Ministru Zammit Lewis.
Il-Ministru żied jgħid li qed nassistu wkoll għal fenominu fl-istorja tat-turiżmu f’pajjiżna hekk kif qed naraw biċ-ċar li rnexxielna negħlbu l-isfida staġjonali bir-riżultat li dan is-settur isir iktar sostenibbli u t-tkabbir fin-numru ta’ turisti jinferex max-xhur tas-sena kollha. Dan jiġi kkonfermat meta naraw li l-akbar żidiet f’din l-industrija qed nirreġistrawhom fix-xhur tax-xitwa u fix-shoulder months.
“Dan kollu jfisser aktar ħolqien ta’ ġid, aktar dħul dirett fl-ekonomija Maltija, aktar ħolqien ta’ impjiegi u sostenn lil industriji oħra f’pajjiżna li jiddependu direttament u indirettament mis-suċċess tal-industrija tat-turiżmu”, qal il-Ministru.
Il-Ministru għat-Turiżmu spiċċa b’awgurju u b’ringrazzjament lis-sidien tal-lukanda hekk kif b’dan l-investiment urew li jemmnu fil-potenzjal tas-settur. Irringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-lukanda u lill-ħaddiema kollha f’dan is-settur għax bis-servizz u bil-ħidma tagħhom pajjiżna jista’ jkompli jikseb riżultati pożittivi f’industrija li hi komponent ewlieni fl-ekonomija Maltija.