Godfrey Farrugia jirreżenja minn whip tal-Gvern

Jgħid lil Prim Ministru li kien xamm 'l-aġenda moħbija ta' dawk li jħufu qribek, persuni li int ghandek fiducja fihom'

Il-whip tal-Gvern Godfrey Farrugia rreżenja mill-kariga tiegħu fi ħdan il-grupp parlamentari iżda se jkun qed iżomm is-siġġu tiegħu ta' deputat fil-gvern.

F'ittra miftuħa lill-Prim Ministru, li ppubblika fuq il-mezzi soċjali, Farrugia qal li l-allegazzjonijiet li saru dan l-aħħar, "weġġgħuni bil-kbir għax ngħożż lil pajjiżi."

Filwaqt li sostna li hu kburi li hu parti minn gvern li rnexxa f'ċertu oqsma u kiseb suċċess, it-Tabib Farrugia stqarr li, " żlaqna fin-niexef, għax it-tmexxija naqset milli tkun matura. Meta bdejna niġġustifikaw l-iżbalji u l-ħażin insejħulu tajjeb, hemmhekk bdiet storja oħra."

Farrugia qal kif minkejja li d-direzzjonijiet ma kinux illegali, "xi drabi kienu jduru mal-liġi." Fl-ittra tiegħu, kompla jgħid li f'xi drabi kien mitlub jivvota fil-Parlament kontra l-kuxjenza tiegħu, waqt li sostna li, "nħoss ukoll li s-sisien ewlenin tal-manifest elettorali li jiggarantixxu tmexxija b'kontabbiltà u trasparenza, ġew mheżża bil-kbir. L-għemil ħażin li ma ġiex irrimedjat f'waqtu, ħalla riperkussjonijiet li tefgħuna wiċċna mal-ħajt. Tlifna l-fibra morali. Ma rnexxilniex ngħaqqdu l-poplu. In-nies spiċċat konfuża tfittex fil-għama, għatxana għal veru verità."

Għalhekk, Farrugia qal li se jkun qed jirreżenja mill-kariga ta' whip tal-gvern, iżda xorta jibqa' membru parlamentari tal-Gvern, "bit-tama li nġib it-tmexxija f'sensiha u tieqaf tuża l-poplu għall-protezzjoni tal-poter tagħha," waqt li temm jgħid li l-fiduċja ta' poplu lejn l-ideal Laburisa storiku "ma kellha qatt tiġi traduta u użata biex tiġi mbuttata l-aġenda tal-ftit, li jidher ċar li m'għandhomx l-interess nazzjonali f'qalbhom u wisq inqas f'moħħhom."

Min-naħa tiegħu, fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li jaċċetta din ir-reżenja u se jkun qed iservi ta' aġent whip, id-deputat Anthony Agius Decelis sakemm tiġi appuntata persuna oħra fil-kariga.

More in Politika