Il-PN jikkundanna 'l-attakki fuq il-whistleblower'
Beppe Fenech Adami qal li l-aġir tal-Prim Ministru u dawk ta' madwaru fl-aħħar 24 siegħa jikkonferma l-biżà li tkompli toħroġ il-verità
More in Politika
Beppe Fenech Adami qal li l-aġir tal-Prim Ministru u dawk ta' madwaru fl-aħħar 24 siegħa jikkonferma l-biżà li tkompli toħroġ il-verità
"L-attakk ta’ Kastilja fuq il-whistleblower tal-kumpanija Egrant hu l-akbar prova ta’ kemm jinsabu f’paniku u daharhom mal-ħajt."
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi u mill-President tal-Kunsill Ġenerali u Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici.
Beppe Fenech Adami qal li l-aġir tal-Prim Ministru u dawk ta' madwaru fl-aħħar 24 siegħa jikkonferma l-biżà li tkompli toħroġ il-verità . “Li kieku jinsab daqshekk seren li toħroġ il-verità, kieku, ma kienux jiftħu l-attakk feroċi fuq il-whistleblower li lbieraħ, min jedda, marret tixhed quddiem il-Maġistrat li qed jinvestiga b’mod kriminali lil Muscat,” qal Beppe Fenech Adami.
Hu spjega kif l-aħħar żviluppi jindikaw li "dak li Kastilja bellgħu lil xi mezzi tal-media mhux minnu, u li l-verità, intenzjonalment, ta’ Kastilja qalbuha rasha ‘l isfel." Fenech Adami appella lil kulħadd biex ma jemminx il-gideb tal-kriminali, għax min hu kriminal, jasal jagħmel u jgħid min kollox biex ma jmurx il-ħabs. “Waqt li Malta kienet mixgħula bl-iskandlu tal-Panama Papers fil-bidu tas-sena li għaddiet, il-Pulizija kienet qed tinterroga u tintimida lill-persuna li setgħet tikxef kollox,” qal Beppe Fenech Adami.
Minn naħa tiegħu, Jason Azzopardi qal li għandu informazzjoni vverifikata li uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll tal-Police Board, dalgħodu għamlu numru ta’ telefonati biex jiprovaw jakkwistaw informazzjoni dwar il-whistleblower. Filwaqt li żvela dan il-fatt, Jason Azzopardi fakkar lill-Avukat Ġenerali Peter Grech li l-ġurament tiegħu hu lejn il-Kostituzzjoni u mhux lejn il-kriminali.
Jason Azzopardi qal li f’dan il-każ qed toħroġ il-falzità ta’ Muscat, li fuq naħa jgħid li daħħal il-liġi tal-whistleblower, u fl-istess ħin, fetaħ attakk feroċi kontra min qed jikxef id-dettalji dwar il-korruzzjoni mill-kriminali f’Kastilja. Hu żied jgħid li dawn il-fatti jikkonfermaw il-kriżi fl-istituzzjonijiet, filwaqt li fakkar li l-Kummissarju tal-Pulizija m’għamel xejn fil-konfront tal-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu.
Paula Mifsud Bonnici qalet li bl-aġir ta' Kastilja, hu evidenti li l-verità qed tkompli toħroġ, kemm dwar l-iskandlu Egrant kif ukoll dwar il-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaport, b’commissions illegali li marru fil-kont taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Hi sostniet li l-aġir tal-kriminali qed isir għal raġuni waħda: għax jinsabu daharom mal-ħajt u qed jiprovaw ibeżżgħu lil min qed jikxef din il-korruzzjoni.
Hi sostniet li ebda theddid mhu se jwaqqaf la lill-Partit Nazzjonalista, u lanqas lil kull min qed jikxef din l-informazzjoni. “Anzi, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qiegħed iwiegħed il-protezzjoni tiegħu lil kull min jixkef aktar provi tal-korruzzjoni tal-kriminali f’Kastilja,” qalet Paula Mifsud Bonnici, li sostniet li hu ta’ sodisfazzjon li hemm nies li qed juru kuraġġ kbir u ma jibżgħux jikxfu l-kriminalità ta’ Kastilja.