Tarka għall-ħaddiem b’konvinzjoni
L-ideoloġija tal-Partit Laburista hi li jservi ta’ tarka għall-ħaddiem. U huwa għalhekk li Jum il-Ħaddiem jitfakkar b’ċertu prominenza u importanza minn dan il-Partit
minn dont use Dalli
Fil-kważi 100 sena ta’ storja tal-Partit Laburista, rajna ħafna tibdil. Inbidlu l-mexxejja u n-nies, l-emblema u l-ismijiet, iżda ħaġa waħda baqgħet fissa: l-ideoloġija li l-Partit Laburista jservi ta’ tarka għall-ħaddiem. U huwa għalhekk li Jum il-Ħaddiem jitfakkar b’ċertu prominenza u importanza minn dan il-Partit.
Il-ħaddiem mhux dejjem kellu l-kundizzjonijiet li jgawdi fil-preżent. Kellna żmien fejn il-ħaddiem Malti kien meqjus inferjuri għal dak barrani, jew fejn il-familja ta’ ħaddiem Malti qatt ma setgħet taspira għal ċertu livelli ta’ edukazzjoni u xogħlijiet. Kull partit ta l-kontribut tiegħu, iżda kulħadd jirrikonoxxi li l-Partit Laburista kellu sehem ewlieni biex il-ħaddiem Malti illum jinsab fejn jinsab.
Dan japplika wkoll għal-lum il-ġurnata.
Sa mill-ewwel jum ta’ din il-leġiżlatura, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien tela’ b’roadmap li tara l-ħolqien tal-ġid u l-opportunitajiet, u wara li dan iseħħ, il-ġid jitqassam b’mod ekwu u ġust biex jilħaq lil kulħadd, b’mod partikolari dawk li l-aktar għandhom bżonn. Il-Prim Ministru, dak li jwiegħed iwettqu, u din il-ġimgħa stess ħabbar li għall-ewwel darba f’27 sena, se tiżdied il-paga minima aktar mill-COLA. Iżda din ma kinetx l-unika miżura li l-Gvern Laburista għadda f’dawn is-snin favur il-ħaddiem.
Il-Prim Ministru dak li jwiegħed iwettqu, u din il-ġimgħa stess ħabbar li għall-ewwel darba f’27 sena, se tiżdied il-paga minima
Fil-fatt, ħarsa ħafifa lejn dawn l-aħħar erba’ snin turina kif kien dan il-Gvern Laburista li ġġieled b’mod tanġibbli l-prekarjat, permezz ta’ liġijiet li jħarsu l-ħaddiem milli jiġi sfruttat bix-xogħol prekarju.
Kien dan il-Gvern li neħħa waħda mill-akbar piżijiet finanzjarji li kellu jaffaċja l-ħaddiem fl-aħħar snin: dak tal-kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma.
Kien dan il-Gvern li daħħal miżuri soċjali li jgħinu lil dawk li jaqilgħu l-inqas.
Kien dan il-Gvern li żied il-pensjoni tal-ħaddiema li issa rtiraw.
Fuq kollox, kien bil-ħidma u l-policies ta’ dan il-gvern li għandna l-inqas rata ta’ nies bla xogħol fl-istorja lokali. Saħansitra ftit jiem ilu, Malta kienet iċċertifikata bħala l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kien qed joħloq impjiegi u opportunitajiet.
Ma nistax ma nsemmix ukoll miżuri oħra li permezz tagħhom il-Gvern inċentiva lin-nisa tad-dar li xtaqu jaħdmu, jew li kienu waqfu mix-xogħol wara t-twelid tat-tfal tagħhom.
Dawn huma kollha policies li l-Gvern preżenti għamel biex itaffi mill-piżijiet u l-isfidi li l-ħaddiema Maltin jaffaċċjaw ta’ kuljum. U ta’ min jenfasizza li dawn il-miżuri favur il-ħaddiema huma frott il-viżjoni li dan il-gvern kellu għal pajjiżna li wassal għal tkabbir ekonomiku bla preċedent u surplus ta’ madwar €100 miljun.
Huwa f’dan il-kuntest li għada l-Partit Laburista se jkun qed ifakkar Jum il-Ħaddiem permezz ta’ dimostrazzjoni fil-Belt Valletta b’wiċċu minn quddiem, għax filwaqt li ħadem biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem, aċċerta ruħu li ħadd ma jaqa’ lura. Dawn huma l-valuri soċjalisti li ħaddanna fil-passat u li għadhom jispirawna llum il-ġurnata.
Kien bil-ħidma u l-policies ta’ dan il-gvern li għandna l-inqas rata ta’ nies bla xogħol fl-istorja lokali
Iżda mhux se nieqfu hawn. Il-progress kien sostanzjali iżda fadal sfidi oħra li wieħed jeħtieġ jindirizza. Fadal li nindirizzaw il-problema ta’ kirjiet għolja tal-propjetajiet, għaliex hija l-pjaga moderna li qed taffettwa l-għixien ta’ bosta ħaddiema u familji.
Irridu naħdmu aktar biex nindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi, li filwaqt li naqset fis-snin riċenti għadha teżisti u għadha trid tiġi megħluba. U sfidi oħra.
Jien ċerta li l-Partit Laburista huwa l-unika għażla biex mhux biss ikun proattiv u jkompli jindirizza sfidi oħra fil-futur qarib, iżda wkoll li jiżgura li dak li ksibna ma jintilifx. Ħaddieħor jgħid li se jagħmel dan għal konvenjenza, aħna lesti li nkomplu nagħmluha għax għalina hija konvinzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, din kienet leġiżlatura li fiha tassew saret differenza fil-ħajja tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Iżda nemmen li l-isbaħ żmien għadu jrid jiġi.