F'intervista li saret mal-Prim Ministru Joseph Muscat aktar kminei dalgħodu fuq ONE TV, huwa sostna li jekk l-inkjesta ssib xi ħaġa fuqu, huwa jkun lest li jirriżenja minn Prim Ministru. Muscat qal li li l-inkjesta Maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet li saru mill-Partit Nazzjonalisra se tirriżulta biss fil-verità u f'każ li tinstab xi ħaġa kontrih jew martu, il-Prim Ministru sostna li "postu ma jkunx hemm, u jkun lest li jirriżenja."
Il-Prim Ministru saħaq li huwa tant jinsab fil-paċi miegħu innifsu li ma jiddejjaqx jgħid li lest jirriżenja. Madankollu, Muscat żied jgħid li minn naħa tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jerfa’ responsabiltà tiegħu wkoll, u jekk l-inkjesta ma ssib ebda prova kontrih jew kontra martu, għandu jkun hu li jitlaq. Madanakollu, żied jgħid il-Prim Minsitru, "dik hija l-għażla tiegħu."
Intant b'risposta għall-dak li qal Joseph Muscat fl-intervista, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha qal li "d-diskors ta’ Muscat ta' dalgħodu jikkonferma l-instabbilità li mhux biss jinsab fiha hu, iżda qed ipoġġi fiha anke lill-pajjiż."
Il-PN sostna li din l-instabbilità qed jitkellmu fuqha min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema, li Muscat nesihom kompletament, tant li dalgħodu, f’Jum il-Ħaddiem, mar fuq il-media Laburista biss biex jiddefendi lilu nnifsu mill-kriżi li jinsab fiha.
"Dawk li għandhom għal qalbhom il-Partit Laburista huma traduti minn Joseph Muscat," qal il-PN, hekk kif sostna li dan ġie spjegat anke minn Godfrey Farrugia fl-ittra ta’ riżenja tiegħu minn Whip: “il-fiduċja ta’ poplu lejn ideal Laburista storiku ma kellha qatt tiġi traduta u wżata biex tiġi mbuttata l-aġenda tal-ftit, li jidher ċar li m’għandhomx l-interess nazzjonali f’qalbhom u wisq anqas f’moħħhom.”