Il-Poplu se jivvota fit-3 ta' Ġunju li ġej

Ikkonfermata l-istorja tal-gazzeta ILLUM...elezzjoni bikrija fit-3 ta' Ġunju

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-poplu se jkun qed imur jivvota f'elezzjoni ġenerali nhar is-Sibt 3 ta' Ġunju.

Waqt li kien qed jindirizza lill-folla fi pjazza Kastilja għall-Manifestazzjoni ta' Jum il-Ħaddiem, Muscat ħabbar li se jkun qed jiltaqa' mal-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca sabiex jagħtiha parir biex ixxolji l-Parlament u ssejjaħ elezzjoni għal 34 jum ieħor.

Dan jikkonferma dak li kienet ħabbret din il-gazzetta matul dawn l-aħħar ġimgħat, li l-pajjiż mistenni joħroġ jivvota f'elezzjoni bikrija fit-3 ta' Ġunju li ġej.

Sostna li ħa din id-deċiżjoni b'responsabbiltà sabiex ma jħallix lil pajjiż ibati minħabba instabbiltà. Muscat spjega li l-għażla hi waħda ċara: "jew il-pajjiż jibqa' miexi 'l quddiem, jew inkella lura." Appella wkoll sabiex il-poplu jiddeċiedi fuq l-għażla waħda li għandu, "lil min irid bħala Prim Ministru, jekk hux lil Joseph Muscat jew lil Simon Busuttil."

Muscat żied jgħid li jista' jkun hawn min ma jaqbilx ma' din id-deċiżjoni minħabba li se jkun qed jaqta' fil-qasir din il-leġiżlatura, iżda min-naħa tiegħu Muscat saħaq li b'hekk se jkun qed jiggwadanja 5 snin oħra, "u b'hekk ma niqfux nofs triq."

Waqt diskors imqanqal, il-Prim Ministru Muscat saħaq li matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern għamel numru ta’ żbalji, “għamilna żbalji, uħud żgħar u uħud goffi. Ta’ dawn l-iżbalji nerfa’ r-responsabbiltà jien.”

Sostna li “t-tajjeb kien tagħna lkoll, imma l-ħażin nirrispondi għalih jien, għax dak hu li jagħmel mexxej...mhux li jaħrab, imma jerfa’ anke dak li mhux tiegħu.” Il-Prim Ministru żied jgħid li, “minn dawn l-iżbalji tgħallimna, u nħares ’il quddiem biex inkomplu naħdmu.”

“Din hija biss nofs triq, issa wasal il-ħin li niddeċiedu jekk niqfux hawnhekk bħala poplu, u nassiguraw li pajjiżna tilef kollox, jew inkella nkomplu nimxu flimkien ’il quddiem fil-kumplament tat-triq,” saħaq il-mexxej tal-PL, li kompla jgħid li għadu mhux sodisfatt biżżejjed bil-kisbiet, u għandu għatx għal iktar.

Dwar id-deċiżjoni li l-pajjiż imur għal elezzjoni 8 xhur qabel id-data, Joseph Muscat qal li, “għalhekk, m’għandi l-ebda raġuni li nkaxkar saqajja. La għandna nieħdu deċiżjoni, ejja neħduha. Id-deċiżjoni hija sempliċi.”

 

Fil-fatt, il-Prim Ministru ftit tal-ħin ilu mar il-Palazz ta' San Anton fejn il-President iffirmat ir-writ li jfisser li l-Parlament huwa xolt, sabiex tinbeda l-kampanja elettorali ta' ftit iktar minn 30 jum, li għandha twassal sal-elezzjoni fit-3 ta' Ġunju li ġej.

More in Politika