‘Qed jipprova jirbaħ l-elezzjoni biex isalva ġildu’

Simon Busuttil jgħid li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest għal elezzjoni

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li l-Prim Ministru qed isejjaħ elezzjoni ġenerali daqstant qabel, it-tmiem tal-leġiżlatura sabiex “isalva ġildu.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza ftit sigħat wara li ġiet imħabbra kampanja elettorali, u sussegwentament elezzjoni ġenerali fit-3 ta’ Ġunju, Simon Busuttil qal li, “b’din id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat, is-suspett fuqu u l-klikka ta’ madwaru żdiedu. Bejn l-interess personali tiegħu, u l-interess nazzjonali, Muscat għażel l-interess personali.”

Bit-tnedija tal-kampanja elettorali bl-isem ta’ ‘Jien Nagħżel Malta’, Busuttil kompla jgħid li l-mistoqsija hija waħda, “għalfejn issejħet elezzjoni daqshekk qabel?” waqt li elenka numru ta’ kwistjonijiet li Gvern kellu favurih, fosthom l-akbar maġġoranza elettorali, waqt li sostna li b’hekk l-elezzjoni se tkun qed issir waqt il-presidenza tal-Unjoni Ewropea, u jgħid ukoll kif din qatt ma saret fl-UE għajr darba, meta anke hemmhekk, l-elezzjoni kienet ippjanata minn qabel.

Busuttil kompla jisħaq li, “korruzzjoni staġnat lill-pajjiż,” u meta mistoqsi dwar l-instabbiltà tal-pajjiż, il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li kien Joseph Muscat li ġab din l-instabbiltà fuq il-pajjiż.

Fost l-oħrajn, Busuttil jistaqsi għalfejn Muscat ma stenniex li tintemm l-inkjesta qabel iħabbar elezzjoni, u żied jistaqsi wkoll jekk hux se jkun qed jirreżenja mill-kariga jekk wara l-elezzjoni jidher li l-inkjesta tinqata’ kontra tiegħu.

L-inkjesta se ssib żgur provi fil-konfront ta’ Keith Schembri

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li hu ċert li l-inkjesta se tkun qed issib provi fil-konfront taċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Kompla jgħid li huwa konvint, li stejjer ta’ dawn it-tip se jkunu qed jibqgħu ħerġin.

More in Politika