Il-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, illeja nieda uffiċjalment il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista, bit-tema 'L-Aqwa Żmien ta' Pajjiżna', li għandha twassal għall-elezzjoni tat-3 ta' Ġunju li ġej.
Waqt li elenka l-ħidma tal-Partit Laburista fil-Gvern f'dawn l-aħħar 4 snin, Joseph Muscat sostna li l-pajjiż mexa wisq 'il quddiem sabiex "niefqu nofs triq." Fost l-oħrajn, semma kif l-għajta tal-PL għat-tieni leġiżlatura se tkun, "il-fatti li diġà jafhom kulħadd: it-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol, it-tnaqqis fil-qgħad, u s-surplus fost l-oħrajn, u dan waqt li żammejna kelmtna fir-roħs tal-kontijiet fost l-oħrajn."
Min-naħa l-oħra, Muscat tkellem dwar il-koalizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li ddeskriviha bħala "koalizzjoni tal-burdati," u "koalizzjoni tal-konfużjoni, li jridu jkissru dak li ħdimna għalih f'dawn l-aħħar erba' snin."
Żied jgħid li hu determinat li jżomm il-pajjiż magħqud kif ilu għal dawn l-aħħar erba' snin, waqt li insista li l-koalizzjoni toffri biss konfużjoni, inċertezza u instabbiltà.
Tenna dak li qal iktar qabel waqt il-mass meeting fil-Belt, li l-għażla hi waħda sempiċi, "lil min trid Prim Ministru, jew lil Joseph Muscat jew Simon Busuttil."
Muscat temm jgħid li, "qed nitlobkom il-fiduċja biex nibqgħu mexjin 'il quddiem lejn 'L-Aqwa Żmien ta' Pajjiżna'.