Il-PN bi tliet programmi elettorali differenti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jinsisti li Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni għax jibża' li l-inkjesta se toħroġ kontrih

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta tliet programmi elettorali differenti għal din l-elezzjoni. Dan ħabbru l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-bidu tal-kampanja elettorali. Busuttil qal li l-PN se jkollu żewġ manifesti minbarra l-programm elettorali ewlieni, fejn se jkunu qed jiffukaw fuq iż-żgħażagħ u fuq Għawdex, b'dan tal-aħħar kien imħabbar f'Jannar li għadda.

Busuttil kompla jgħid li dawn il-manifesti se jkunu qed joroġu fiż-żmien li ġej, waqt li assigura li Marlene Farrugia taqbel magħhom.

Dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat, Busuttil sostna li kiser il-wegħdiet li għamel, "u mhux talli hekk, talli minbarra li ma żammx mal-wegħdiet tiegħu, hu mar kontrihom...dik hi tradiment. Kien hemm il-Malta Tagħna Lkoll, iż-zero tolerance għall-korruzzjoni, l-accountability, it-trasparenza u l-meritokrazija."

Busuttil kompla jinsisti li fuq dawn il-wegħdiet, "Joseph Muscat falla u tradiena." Kompla billi staqsa x'se jiġri jekk Muscat jirbaħ din l-elezzjoni li ġejja, u l-inkjesta tinqata'wara kontrih u kontra ċ-chief of staff tiegħu, li f'dan il-każ żied jgħid li l-inkjesta żgur għandha l-provi għaliex kien ressaqhom huwa stess.

"Muscat sejjaħ elezzjoni għax qed jibża' li l-inkjesta se toħroġ kontrihom, u qed jistenna li jinħafrulu d-dnubiet f'din l-elezzjoni. Elezzjoni ma tista’ qatt tiehu post il-ġustizzja – il-ġustizzja trid issir u tidher li qed issir," kompla jsostni Busuttil li qal ukoll li l-istat ta' inċertezza mhux se jissolva billi jirbaħ l-elezzjoni Joseph Muscat, "għax inkella nerġgħu niġu koppi. Jissolva billi nneħħu l-korruzzjoni, u allura nneħħu lil JM għax postu mhux fil-politika."

More in Politika