Tmiem bla glorja
L-opinjonista Joe Ellis jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni politika u jitkellem dwar 'tmiem mingħajr glorja għall-gvern li beda b’tant tamiet'
minn Joe Ellis
Donnu kull meta jkun hemm gvern Laburista, qajla tgħaddi ġurnata mingħajr xi skoss jew ieħor. Dawn tal-aħħar jiem, qajla tista’ ssejħilhom skossi iżda jkun aktar preċiż tiddeskrivihom bħala terremoti li qed jheżżu l-istabbiltà tal-gvern u anke tal-pajjiż. Meta nħares lura, ma nistax ma narax l-istess sinjali ta’ inċertezza li wieħed kien jara fl-aħħar jiem tal-gvern ta’ Sant u ta’ Gonzi. Madankollu, tajjeb li wieħed ifakkar li Sant kellu maġġoranza ta’ 8,000 vot u siġġu wieħed u b’eks Prim Ministru miegħu li għalih l-eks ma kinetx teżisti u Gonzi, kellu maġġoranza ta’ 1,200 u b’żewġ jew tliet deputati li ma kinux jitilfu opportunità biex jimminawh.
Muscat beda minflok b’maġġoranza ta’ xi 36,000 vot u disa’ deputati. Veru li issa l-maġġoranza parlamentari naqset għal ħamsa wara d-defezzjoni ta’ Marlene Farrugia u s-sentenza kostituzzjonali li tat żewġ siġġijiet oħra lill-Partit Nazzjonalista. Imma b’maġġoranza ta’ ħamsa u mingħajr sinjali ċari ta’ dissens fi ħdan il-grupp parlamentari tiegħu, Muscat messu qed jipprepara għall-elezzjoni ġenerali li trid issir sa Ġunju tas-sena d-dieħla b’serenità kbira.
Dan qajla hu l-każ fid-dawl tal-allegazzjonijiet sensazzjonali li qed isiru fil-konfront tal-mara tiegħu u taċ-chief of staff tiegħu, Keith Schembri. M’għandix għalfejn noqgħod naħli wisq ħin dwar dawn l-allegazzjonijiet li saru kemm mill-blogger u ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni u li jafhom kulħadd. Simon Busuttil din il-ġimgħa ta żewġ diskorsi iebsin li fihom sejjaħ għall-arrest immedjat ta’ Keith Schembri u l-interrogazzjoni tal-Prim Ministru kif ukoll ir-riżenja tiegħu għaliex Schembri rċieva €100,000 mill-awditur tal-kumpaniji tiegħu, Brian Tonna wara l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lil tliet Russi.
DCG kienet qabel allegat li fis-safe fil-kċina ta’ bank f’Ta’ Xbiex li kważi ħadd ma kien sema’ bih, il-Pilatus Bank, kien hemm il-provi li l-famuża tielet kumpanija Panamiża, Egrant imwaqqfa minn Tonna ftit jiem wara l-elezzjoni kienet ta’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat. It-theżżiża li nħasset wara din l-allegazzjoni kienet tali li wara rifjut inizjali, għall-ħabta ta’ nofsilejl, il-Prim Ministru ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali. Il-maġistrat tal-għassa nzerta kien Aaron Bugeja. Sa ftit qabel din l-ordni, il-Kummissarju tal-Pulizija ma ħassx li għandu jieħu kwalunkwe azzjoni sabiex jissalvagwardja l-provi li seta’ kien għad hemm fil-Pilatus Bank u minflok mar għal fenkata l-Imġarr.
L-atteġjament tal-Kummissarju tal-Pulizija kienet totalment irresponsabbli u inaċċettabli u turi nuqqas ċar fil-qafas istituzzjonali tagħna
L-atteġjament tal-Kummissarju tal-Pulizija kienet totalment irresponsabbli u inaċċettabli u turi nuqqas ċar fil-qafas istituzzjonali tagħna. Anke jekk kien wieħed mill-ftit fil-pajjiż li ma ndunax bl-allegazzjonijiet splussivi ta’ DCG, id-deputata indipendenti kuraġġjuża Marlene Farrugia ħadet il-briga li tinfurmah direttament li għandu jieħu ħsieb jissalvagwardja l-provi li seta’ kien hemm f’dan il-bank. Minkejja din il-kommunikazzjoni, il-Kummissarju ma biddilx il-pjanijiet kulinarji tiegħu u baqa’ ma ta l-ebda ordni qabel ma rċieva l-ordni mingħand il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru, wara ġie mistoqsi għala dam bosta sigħat qabel ma ordna li ssir din l-inkjesta. Dan aktar u aktar meta l-proprjetarju ta’ dan il-bank ġie ffilmjat ħiereġ mill-bank fis-satra tal-lejl flimkien ma’ waħda mill-impjegati tiegħu b’żewġ bagalji li seta’ kien fihom xi dokumenti inkriminanti. It-tweġiba tal-Prim Ministru tkompli titfa’ dawl fuq id-dgħufija istituzzjonali ta’ pajjiżna: Muscat qalilna li l-ewwel ried jitkellem mal-avukati tiegħu.
Għandna ċar daqs il-kristall li l-Prim Ministru ordna li ssir inkjesta maġisterjali li fuq kollox tista’ tikkonvolġi lilu u lil martu wara li ħa l-parir tal-avukati tiegħu. Din is-sitwazzjoni hija totalment inaċċettabbli. L-inkjesta maġisterjali messa bdiet awtomatikament, mingħajr l-ebda intervent tal-Prim Ministru jew tal-Kummissarju tal-Pulizija. Għandu jkollna maġistratura inkwirenti għal tal-apposta (u mhux li trid tlaħħaq ukoll mal-kawżi tad-distrett u l-kumpilazzjonijiet kif inhu l-każ illum) sabiex tieħu ħsieb l-investigazzjoni ta’ każijiet kriminali mingħajr il-ħtieġa ta’ ordni minn fuq. Din il-maġistratura inkwirenti tissorvelja l-operat tal-pulizija li ssegwi l-ordnijiet tagħha. Mhux ta’ b’xejn li l-pulizija f’bosta pajjiżi kontinentali tissejjaħ pulizija ġudizzjarja għax hekk isir f’dawn il-pajjiżi.
Forsi dik kienet l-intenzjoni oriġinali, imma l-prassi li evolviet fl-era kolonjali u li għadha magħna sal-lum jeħtieġ li tinbidel illum qabel għada. Meta saru l-allegazzjonijiet kontra Francois Fillon mill-ġurnal satiriku Le Canard Enchainé, il-maġistratura Franċiża ma qagħditx tistenna provi dokumentati jew ordnijiet mill-eżekuttiv kif għamel Lawrence Cutajar imma qabdet u bdiet tinvestiga u llum Fillon u martu qed jaffaċjaw proċeduri kriminali. Hekk isiru l-affarijiet f’pajjiżi demokratiċi.
Issa li hemm inkjesta maġisterjali, tajjeb li wieħed idaħħal nota ta’ kawtela. Fil-passat ktibt dwar dan is-suġġett fl-artiklu tiegħi f’dan il-ġurnal tat-2 t’Awwissu 2009 bit-titlu ‘Bejn Inkjesta u Oħra’. Din l-inkjesta hija differenti minn dik amministrattiva li bħalha kellna dan l-aħħar fil-każ tat-traffikar tad-drogi f’Għawdex fejn ġie allegat li kien hemm indħil ministerjali sabiex persuna tbiddel ix-xhieda tagħha. Anke f’dan il-każ, kien hemm ċertament lok ta’ inkjesta maġisterjali għaliex jekk dak allegat kien minnu, kien ikun ksur tal-liġi. Imma l-Prim Ministru għoġbu li jordna inkjesta amministrattiva u mhux maġisterjali u hekk sar. Tassew dan hu nuqqas istituzzjonali serju li jeħtieġ li jiġi ndirizzat illum qabel għada.
F’din l-inkjesta maġisterjali, il-Maġistrat ser jiġbor il-konklużjonijiet u jibgħathom lill-Avukat Ġenerali bir-rakkomandazzjoni li jittieħdu passi kriminali jew le. Anke jekk il-Maġistrat jikkonkludi li m’hemmx lok li jittieħdu passi kriminali, dan ma jfissirx li l-kwistjoni hija neċessarjament magħluqa, għaliex tista’ terġa’ tinfetaħ jekk jitfaċċaw provi ġodda.
Wara li saru dawn l-allegazzjonijiet, bosta kienu dawk, speċjalment fil-kamp Laburista, li bdew jgħajtu għall-provi. Insew li m’aħniex fil-kamp tad-dritt penali fejn persuna tinstab ħatja biss jekk il-każ jiġi ppruvat b’ċertezza morali (‘beyond reasonable doubt’). Hawnhekk qegħdin fil-qasam politiku u l-kriterju huwa neċessarjament differenti. Meta Nixon irriżenja, ma kien misjub ħati mill-ebda Qorti. Meta Willy Brand irriżenja, hu ma kien wettaq xejn ħażin imma l-assistent tiegħu kien inqabad jispjuna għall-Istasi. Dwar dawn ir-riżenji u aktar, wieħed jista’ jirreferi għall-artiklu li deher fil-ħarġa ta’ dan il-ġurnal tat-13 ta’ Ġunju 2010 bit-titlu ‘Min għadu jiftakru lil Jack Profumo?’
Din il-ġimgħa, kemm Simon Busuttil u persuna li kienet impjegata f’dan il-bank xehdu minn jeddhom quddiem il-maġistrat inkwirenti. Għadu kmieni biex wieħed jgħid x’se jkun ir-riżultat ta’ din ix-xhieda imma ċertament jidher li l-kwistjoni qiegħda tisfuġġi minn idejn il-Prim Ministru. Min għadu jiddubita u jitlob għall-provi ċari (għax hawn min jara iljunfant quddiemu imma jagħmel ta’ birruħu li mhux jarah) bla dubju ħa gost bl-allegazzjonijiet li din il-‘whistleblower’ tkeċċiet mill-bank u hija anke akkużata bi frodi għalkemm ma jidhirx li dan kien xi każ serju. Hija tassew ħasra li dan il-ġurnal ipparteċipa attivament f’din il-kampanja denigratorja kontra din il-‘whistleblower’ minflok ma applawda l-kuraġġ tagħha u talab li tingħata l-protezzjoni kollha meħtieġa kif għandu jkun il-każ. Hija għażla editorjali li ma nikkondividihiex.
L-għażliet li għandu l-Prim Ministru m’huma ħelwin xejn: jew isejjaħ elezzjoni issa u jaffaċja l-elettorat li bla dubju qed jiġi nfluwenzat b’dawn l-allegazzjonijiet, jew itawwal bil-possibbiltà li jsiru allegazzjonijiet ġodda u aktar sensazzjonali li jkomplu jnaqqrulu l-appoġġ
Kieku l-Prim Ministru u ċ-chief of staff tiegħu jpoġġu l-interessi tal-pajjiż u tal-Partit Laburista qabel tagħhom, kienu jwarrbu, tal-anqas temporanjament, sakemm l-inkjesta maġisterjali tiġi konkluża u l-istituzzjonijiet jiddeċiedu bl-akbar serenità x’għandu jsir fil-konfront tagħhom. Imma dan ma jidhirx li hu l-każ għax ix-xniegħa persistenti hi li l-elezzjoni ser titħabbar fil-jiem li ġejjin għal xi data f’Ġunju.
Jekk isir hekk, il-kalkolu tal-Prim Ministru jkun biċ-ċar li jħalli d-destin tiegħu f’idejn l-elettorat. Ikun ukoll ċar li l-Labour mhumiex kapaċi jiggvernaw għal ħames snin minkejja kwalunkwe maġġoranza li jista’ jkollhom. Dak li seta’ kien gvern ta’ għaxar, jekk mhux ħmistax-il sena, illum hu mdendel b’xagħra. L-għażliet li għandu l-Prim Ministru m’huma ħelwin xejn: jew isejjaħ elezzjoni issa u jaffaċja l-elettorat li bla dubju qed jiġi nfluwenzat b’dawn l-allegazzjonijiet, jew itawwal bil-possibbiltà li jsiru allegazzjonijiet ġodda u aktar sensazzjonali li jkomplu jnaqqrulu l-appoġġ.
Ċertament dan hu tmiem mingħajr glorja għall-gvern li beda b’tant tamiet.
Joe Ellis huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-13-il distrett