‘Darba tidħak bil-poplu, darbtejn le’

  • Il-Kap tal-PN Simon Busuttil insista li l-elezzjoni mhix is-soluzzjoni biex il-Gvern jitnaddaf mill-korruzzjoni

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal kif l-elezzjoni mhix is-soluzzjoni biex tnaddaf il-korruzzjoni. Waqt li kien qed jindirizza l-ewwel Mass Rally tiegħu għal din il-kampanja elettorali, fid-Dar Ċentrali fil-Pietà, Busuttil qabbel il-fatt ta’ elezzjoni bikrija ma’ washing machine fejn insista li Joseph Muscat qed jaħseb li l-elezzjoni se tkun qed tnaddaf id-dnubiet, “ħaseb li l-elezzjoni hi bħal washing machine li se taħsel lil Joseph Muscat u wara l-elezzjoni joħroġ nadif minnha. Jekk int korrott illum, ix-xahar id-dieħel korrott se tibqa’,” insista Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Prim Ministru kellu kull ċans biex ineħħi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri mill-karigi tagħhom sabiex inaddaf ismu, “hija ovvja li dawn gidbu u għamlu reati kriminali, u gġalhekk, mill-ewwel tistaqsi għalfejn ma neħħihomx. Ir-risposta hija sempliċi, għax hu kompliċi magħhom.”

Busuttil akkuża lill-Prim Ministru li għereq fil-korruzzjoni tiegħu stess, meta qal li l-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni bil-problema ta’ dan kollu tkun il-korruzzjoni, “u l-korruzzjoni hi magħġuna ma’ Joseph Muscat. Kellu jirreżenja min hu responsabbli,” insista Busuttil filwaqt li qal li darba tidħaq bil-poplu, imma darbtejn, le.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li din l-elezzjoni, il-PN se jkun qed jiġġilidha, “b’qalbu, b’moħħu u ruħu u bid-determinazzjoni ta’ għajta sempliċi u ċara...‘jiena nagħżel Malta’.”

More in Politika