Wara li sa dalgħodu l-PM Joseph Muscat kien mistoqsi mill-media tal-PN jekk iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandux kont l-Iżvizzera, l-istess Schembri qal li kellu kont f'bank fl-Iżvizzera, imma fi stqarrija qal ukoll li dan il-kont kien magħluq fl-2011, jiġifieri qabel inħatar Chief of Staff.
Schembri jinsab f'nofs kontroversja hekk kif il-PN qed jakkużah b'tixħim meta aċċetta flus mill-iskema taċ-ċittadinanza, liema flus għaddew mingħand Brian Tonna għal kont tiegħu fil-Bank Pilatus. L-ammont huwa ta' €100,000. Schembri fl-ebda ħin ma ċaħad dan il-ħlas iżda qal li dan kien parti minn self, simili għall-istess tip ta' self li għadda lil kumpaniji oħrajn bħal Media.Link u l-Allied Newspapers.
Muscat meta kien mistoqsi dwar Schembri fil-programm Dissett tal-bieraħ, ammetta li Schembri huwa ħabib tiegħu imma saħaq ukoll illi m'hemm ebda forma ta' obbligu lejn xulxin."