Busuttil: 'Il-Maġistrat jitlob investigazzjoni kriminali fuq Keith Schembri u Brian Tonna'

Simon Busuttil jappella sabiex jintagħżel Maġistrat mill-ewwel, sabiex tinbeda minnufih l-investigazzjoni

Il-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed imexxi l-investigazzjoni dwar l-allegazzjoni li l-kumpanija fil-Panama Egrant hi tal-mara tal-Prim Ministru, talab li ssir investigazzjoni kriminali fuq iċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-konsulent tal-PM, Brian Tonna.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, waqt stqarrija li għamel fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, fejn qal ukoll li l-provi li kien ressaq quddiem l-istess maġistrat, issa ntlaqgħu u l-Maġistrat ddeċieda li kien hemm fatti biżżejjed biex issir investigazzjoni kriminali fil-konfront ta' Schembri u Tonna, b'konnessjoni ma' reati ta' tixħim u ħasil ta' flus.

Busuttil appella sabiex jintagħżel mill-ewwel maġistrat li jkun jista' jibda mill-ewwel din l-investigazzjoni. Fl-istess waqt, saħaq li l-Prim Ministru għandu jitneħħa għaliex baqa' jinsisti li kellu fiduċja fi Schembri.

Il-PL ifakkar li dawn l-iżviluppi m'għandhomx x'jaqsmu mal-allegazzjonijiet dwar Egrant

Min-naħa tiegħu, instantanjament, il-Gvern ħareġ stqarrija li tgħid li l-każ li rrefera għalih il-Kap tal-Oppożizzjoni, "m'għandu x’jaqsam xejn mal-allegazzjoni inveritiera li l-Prim Ministru u l-familjari tiegħu b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu mal-kumpanija Egrant."

Intant il-Partit Laburista sostna li bid-deċiżjoni li ħadet il-Qorti llum "jirrizulta ċar iktar minn qatt qabel li l-allegazzjonijiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru huma gidba. Dak li qalet il-Qorti llum jikkonferma li l-Kap tal-Oppozizzjoni ma ppreżenta l-ebda prova kontra l-Prim Ministru. Fil-fatt għamel biss allegazzjonijiet kontra Keith Schembri li l-Qorti qalet li se tgħaddihom fuq Qorti oħra," sostna l-PL. 

Intant l-avukat ta' Schembri Edward Gatt, quddiem il-Qorti, saħaq li id-digriet li Schembri mhux se jikkontesta d-digriet tal-Maġistrat illi l-każ ikun investigat minn Maġistrat ieħor. 

 

 

More in Politika