F'reazzjoni immedjata għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-PN l-avukat ta' Keith Schembri, Edward Gatt sostna li dak li ġara bid-digriet tal-Maġistrat Aaron Bugeja kien li l-inkjesta dwar Keith Schembri issa se tkun qed tgħaddi għand Maġistrat ieħor. Dan wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja saħaq li l-każ kellu jinstema' minn Maġistrat ieħor għax il-każ m'għandux x'jaqsam mal-kumpanija Egrant u l-allegazzjoni li din hija ta' Michelle Muscat.
L-Avukat Gatt spjega kif wara li l-Maġistrat sema' l-provi ta' Busuttil ui anke ta' Schembri l-każ se jgħaddi għand Maġistrat ieħor.
Intant l-istess avukat Gatt sostna li Schembri mhux se jkun qed jirreżenja għax ma jħossx li għandu bżonn jagħmel dan, hekk kif dak li ġara kienet biss kwistjoni ta' proċedura.
Din il-Konferenza saret ftit tal-ħin wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil qal illi l-Maġistrat fil-fatt kien poġġa lil Schembri taħt investigazzjoni kriminali.
"Jekk xi ħadd imur il-Qorti b'allegazzjoni l-Qorti hija obbligata tisma' u trid tara hux minnu jew le. Ma ninsewx li kellna ħafna inkjesti fejn ma nstabux reati. Il-Maġistrat qal li hemm ilment u li mhux se jisimgħu hu, qed nissimplifika u nirrifletti eżatt dak li kien miktub." L-Avukat sostna li qed tingħata 'spin' dwar dan id-digriet.