Il-PL iwiegħed proġett pilota biex jitneħħew il-wires tad-dawl mit-toroq

'Jekk ikun hemm provi biżżejjed biex Keith Schembri jitpoġġa taħt investigazzjoni, għandu jirreżenja' - Muscat

Wara li l-Partit Laburista wiegħed li jsiru t-toroq kollha ta' Malta, jekk jerġa' jiġi elett fil-Gvern, illum waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Birkirkara, il-Prim Ministru Joseph Muscat, spjega iktar dwa kif se jkun qed jiżvolġi dan ix-xogħol.

Muscat qal li se jkun qed jinbeda proġett pilota sabiex jibda x-xogħol biex jitneħħew il-wires tad-dawl mill-faċċati tad-djar, u jibdew jiddaħlu taħt it-toroq. Il-Prim Ministru insista li se tkun qed tinħoloq aġenzija sabiex jiġi kordinat ix-xogħol kollu meħtieġ, waqt li insita li mhux se jkun hemm ħlas bl-ebda mod sabiex jintużaw it-toroq jew il-parkeġġi pubbliċi, bħal parking metres jew tolls.

Muscat qal li dan se jkun qed ineħħi piż kbir minn fuq il-Kunsilli Lokali, hekk kif se jkunu qed iżommu l-flus li s-soltu jingħataw lilhom sabiex jagħmlu t-toroq tal-lokal, iżda dawn jintużaw biss sabiex issir il-manutenzjoni u ż-żamma tat-toroq.

Filwaqt li se jkunu qed isiru t-toroq kollha tal-pajjiż, tul 7 snin, b'investiment ta' €700 miljun, Muscat insista li se tkunu qed tingħata prijorità lil 170 trid residenzjali li qatt ma ngħataw wiċċ ġdid, li jridu jsiru f’massimu ta’ 3 snin, b'medja ta' 60 triq fis-sena. Sostna li kuntrattur speċjalizzat ikun iffukat fuq manutenzzjoni, li mistenni jsewwi ħofor perikolużi f'mhux iktar minn 24 siegħa.

Tkellem ukoll dwar titjib fil-bankini u s-cycle lanes fejn hu possibbli, waqt li saħaq li għandu jkun hemm kontroll u monitoraġġ fid-dewmien tal-proġetti, u qal kif, "dak li qed jiġri fil-proġett tal-Kappara, għandu jkun in-norma."

Dwar il-każ tal-inkjesta fil-konfront taċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri, Muscat sostna li jekk se jkun hemm provi biżżejjed li Keith Schembri jitpoġġa taħt investigazzjoni, "dan għandu jerfa' r-responsabbiltà tiegħu u jirreżenja mill-kariga."

More in Politika