‘In-nies se jivvutaw fuq il-fatti li raw matul dawn l-erba’ snin’

Muscat jgħid li f’dawn l-erba’snin, inħoloq xogħol daqs kemm inħoloq fil-15-il sena ta’ qabel

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif in-nies, nhar it-3 ta' Ġunju se jkunu qed jivvutaw fuq dak li diġà raw li sar fl-aħħar erba' snin, "in-nies se jivvutaw fuq il-fatti li raw matul dawn l-erba’ snin u se jivvutaw dwar min għandu l-aħjar propsti dwar il-futur. Aħna għamilna żbalji imma bla dubju, aħna għandna l-aħjar pjan." 

Waqt li kien qed jieħu sehem f’attività taħt it-tinda f’San Ġwann, Muscat ħares lura lejn l-aħħar ġranet li kienu l-ewwel ħamest ijiem tal-kampanja elettorali u qal li dawn il-ġranet, “urew li dan mhuwiex Gvern li kien biss ippreparat biex jiggverna, imma preparat ukoll biex ikompli jiggverna fis-snin li ġejjin.”

Sostna kif il-Partit Laburista, mill-ewwel beda l-kampanja tiegħu billi ħareġ l-ewwel ħames proposti, u sostna li kien sodisfatt li, “n-nies qed jaraw li l-proposti tagħna huma costed u diġà nafu kif se jkunu qed jaħdmu, mhux bħal ħaddieħor, li meta mistoqsi dwar għotja li propona hu stess, qal li se jitkellem dwarha, 100 jum wara li jkun fil-Gvern.”

Muscat kompla jinsisti li, “jekk l-Oppożizzjoni kellha tagħmel xi ħaġa, kienet li tipprepara għal kampanja elettorali, u jidhru li mhumiex preparati għal kampanja, aħseb u ara biex imexxu l-pajjiż.”

Muscat ħabbar ukoll kif skont statistika uffiċjali, fl-aħħar erba’ snin, inħolqu xogħlijiet daqs kemm inħolqu fil-15-il sena ta’ qabel.

More in Politika