Alternattiva Demokratika sostniet li jeħtieġ li tiġri wara dawk il-voti tal-Laburisti diżillużi li ma jaslux jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Waqt li kienu qed iniedu l-kampanja tagħhom bit-tema, 'Vot Alternattiv, Vot Nadif', l-għaxar kandidati f'isem l-Alternattiva Demokratika qalu kif il-kampanja tal-Partit se tkun qed tiffoka fuq l-indafa, mhux biss dik ambjentali iżda wkoll morali u istituzzjonali.
Iċ-chairperson ta' AD Arnold Cassola sostna li l-Partit irrifjuta li jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista minħabba l-isem minħabba li hi kwistjoni ta' identità. Sostna li AD ipproponiet lill-PN biex il-koalizzjoni tkun distinta għax tiddependi mil-Laburisti diżillużi, iżda din l-istess koalizzjoni kellu jkollha isem differenti minn 'Partit Nazzjonalista'.
"Li kieku ngħaqadna mal-Partit Nazzjonalista taħt dak l-isem, konna nnaffru l-2,000 votant tagħna u anke dawk il-Laburisti li jridu jeliminaw lill-Panamagang," sostna Cassola, li żied jgħid li għal ħafna nies, l-isem u s-simbolu tal-PN jimbuttahom għaliex ma jħossuhomx komdi jivvutaw lilhom. "Hemm nies li ma jaslux jivvutaw lill-PN, minkejja s-sitwazzjoni mwiegħra tal-pajjiż," kompla jgħid Cassola.
Arnold Cassola sostna li jekk wieħed iħares lejn is-sondaġġi tara kif meta tgħaqqad flimkien il-voti tal-Partit Nazzjonalista, tal-Alternattiva Demokratika, tal-Partit Demokratiku, l-iswitchers u l-partiti ż-żgħar, dawn xorta waħda huma inqas minn tal-Partit Laburista, għaldaqstant saħaq li se jkun kruċjali li l-Alternattiva Demokratika tattira lill-dawk il-votanti Laburisti, "li huma mqażżin, li jixtiequ b'qalbhom kollha jivvutaw kontra d-delinkwenti politiċi."