‘Il-fast ferry u l-mina għal Għawdex se jkunu prijorità’
F'Għawdex, Joseph Muscat sostna li 'Għawdex se jsir l-għira tal-Ewropa fl-investiment il-ġdid'
More in Politika
F'Għawdex, Joseph Muscat sostna li 'Għawdex se jsir l-għira tal-Ewropa fl-investiment il-ġdid'
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif il-prijoritajiet għal Għawdex issa huma fil-mod ta’ kif wieħed jaqsam bejn Malta u Għawdex. Fil-fatt, Muscat semma l-proġetti tas-servizz tal-fast ferry u tal-mina bejn Malta u Għawdex bħala proġetti li l-ħidma fuqhom bdiet diġà.
Dan qalu waqt li lbieraħ kien qed jindirizza attività politika fir-Rabat Għawdex. Kif kien qed jindirizza lill-Għawdxin, Muscat qal kif matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern Laburista għamel ħafna xogħol f’din il-gżira u jsemmi fost l-oħrajn l-ammonti ta’ turisti rekord li żaru l-gżira tat-tliet għoljiet. “Tant kemm kien hawn turisti f’Għawdex, li lukandi li qabel kienu jgħalqu fil-‘low season’, issa ma baqgħux, imma fadal iktar xi jsir,” sostna Muscat.
Muscat saħaq li Għawdex se jibqa’ jkun prijorità kbira għall-Partit Laburista, waqt li insista li l-proposti li se jkun qed iniedi fiż-żmien li ġej, għal Għawdex, se jkunu qed ikomplu jixhdu l-impenn tiegħu biex din il-gżira verament tibqa’ prijorità.
Waqt li kien qed jindirizza l-folla, Muscat qal kif bħalissa hemm it-tender tas-servizz tal-fast ferry, “li jfisser li gvern ġdid, jekk tagħtuna l-fiduċja, fi ftit tax-xhur oħra ħa nkunu qegħdin nintroduċu servizz biex intom l-Għawdxin tkunu tistgħu taqsmu b’mod dirett mill-Imġarr Għawdex sal-Belt Valletta mingħajr dewmien.”
Joseph Muscat qal ukoll li fl-istess ħin, dalwaqt se jkunu qed jiġu mnedija l-preparazzjonijiet għall-fażi li jmiss biex jinbdew ix-xogħlijiet tal-mina bejn Malta u Għawdex. “Dak li jagħtina s-saħħa hi l-kredibbiltà li dak li nwiegħdu, aħna nwettquh,” sostna Muscat fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.
Fid-diskors tiegħu, il-mexxej tal-PL għamel aċċenn għall-qasam tas-saħħa u l-investiment f’Għawdex billi qal li l-Partit Laburista se jkun qed jassigura li bil-ħidma u l-investiment se jkun assigurat xogħol għall-Għawdxin, il-proprjetà togħla fil-valur tagħha, waqt li ddeskriva li l-gżira se tkun qed tesperjenza ‘twelid mill-ġdid’, u ‘Għawdex isir l-għira tal-Ewropa fl-investiment il-ġdid’.
Muscat appella partikolarment lill-Għawdxin sabiex jużaw il-vot tagħhom tajjeb waqt li sostna li l-PL f’Għawdex għandu ‘kandidatura fantastika’.
Il-Prim Ministru Muscat kompla jgħid li hu ma jibżax mill-ġudizzju tal-poplu, “għax jien paċi miegħi nnifsi li l-ġudizzju tal-poplu, jkun xi jkun, jien naċċettah b’serenità.” Żied jgħid li jekk il-poplu jridu jkompli jservi, hekk se jkun qed jagħmel, b’qalbu kollha, u jekk ma jridux ikom