Muscat b’appell imqanqal għal moviment ta’ għaqda
F'Ħaż-Żabbar, Joseph Muscat jitkellem kontra l-isterjotipi u jgħid kif, 'jien kburi b’uliedkom...u uliedkom huma wliedi'
More in Politika
F'Ħaż-Żabbar, Joseph Muscat jitkellem kontra l-isterjotipi u jgħid kif, 'jien kburi b’uliedkom...u uliedkom huma wliedi'
Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella għal moviment ta’ għaqda u sens ta’ unità fil-pajjiż, waqt li tkellem dwar, “moviment kontra l-mibgħeda, irrelevanti lil min tivvota jew x’taħseb.”
Waqt li kien qed jindirizza lill-folla fl-ewwel mass meeting tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista f’Ħaż-Żabbar, Muscat f’appell imqanqal, saħaq li mhux se jkun qed jaċetta li jerġgħu jiddaħħlu l-isterjotipi fil-pajjiż, b’referenza għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni iktar kmieni dalgħodu fil-Birgu (tista' ssegwi l-kumment iktar 'l isfel f'dan l-artiklu), fejn tkellem dwar il-problemi soċjali, tad-droga u tal-housing fiż-żona. “Ma naċċettax lil min jipprova jarmi lill-uliedkom u jitkellem hekk fuq uliedkom. Jien kburi b’uliedkom...u uliedkom huma wliedi,” saħaq Muscat, waqt li żied jgħid li, “mhux se nħalli li jerġgħu jiddaħħlu l-isterjotipi taż-żmien li għaddew.”
Fost għajjat ta’ ‘Joseph, Joseph’ u ‘L-Aqwa Żmien’, il-mexxej tal-PL qal kif, “m’hawnx Malta tajba u ħażina, imma hawn Malta magħquda...Malta Tagħna Lkoll, li qed tistenna l-aqwa żmien ta’ pajjiżna.”
Muscat insista li din hi elezzjoni tal-għażla tal-istili ta’ ħajja, “nagħżlu jekk nibqgħux mexjin ’il quddiem jew immorru lura.” Tkellem ukoll dwar il-‘Ħolma Maltija’ li għandu, fejn iż-żgħażagħ Maltin li jmorru madwar id-dinja, jerġgħu jiġu lura, “għax jgħidulna li aħjar minn Malta ma jsibux.”
F’Ħaż-Żabbar, il-Prim Ministru elenka l-proposti li diġà ħabbar il-Partit Laburista matul din il-ġimgħa, b’enfasi fuq il-ħaddiema, iż-żgħażagħ li huma l-futur tal-pajjiż u l-anzjani li ‘l-pajjiż huwa midjun magħhom.”
Muscat kompla jgħid kif il-Partit Laburista se jkun qed iżomm kelmtu bħalma għamel fl-aħħar erba' snin, u li l-pajjiż mhux se jkun qed jagħmel pass fid-dlam, iżda qed jingħata l-proposti li se jkun qed jaħdem fuqhom il-PL, jekk ikun elett. "Żammejt kelmti magħkom meta raħħasna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, raħħasna t-taxxi, żidna l-pensjonijiet u l-istipendji, żammejt kelmti meta tajna ċ-childcare b'xejn, tajna iktar benefiċċji soċjali lil min għandu bżonn," sostna Muscat waqt li elenka għadd ta' miżuri li għamel il-Gvern fl-aħħar erba' snin.