Għall-bidu nħasad...imma kkarga f’Għawdex
Wara l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali tal-PN...bidu iebes għall-Partit Nazzjonalista fl-ewwel jiem tal-kampanja elettorali
minn Veronica Lynn Mizzi
Bit-tħabbira ta’ elezzjoni bikrija nhar it-Tnejn li għadda, fil-festa pubblika tal-Ewwel ta’ Mejju, Joseph Muscat ftit jew wisq qata’ saqajn l-Oppożizzjoni u ħa vantaġġ ta’ ftit ġranet jekk mhux ukoll tal-ewwel ġimgħa sakemm effettivament, il-Partit Nazzjonalista ‘jistartja l-magna elettorali’.
Dan minkejja li lura s-sena li għaddiet, Simon Busuttil kien saħaq li, “l-Partit Nazzjonalista startja l-magni elettorali tiegħu,” wara li kien għamel bidliet interni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Partit.
Minbarra dan, tliet ġimgħat ilu, propju fis-16 ta’ April, il-gazzetta ILLUM kienet ippubblikat storja li l-Partit Nazzjonalista ilu sa mill-2014 jipprepara għall-eventwalità ta’ elezzjoni ġenerali qabel l-2018. Minkejja li l-elezzjoni kellha ssir fl-2018, kien hemm għadd ta’ indikazzjonijiet li s-sitwazzjoni ta’ din is-sena kienet waħda straordinarja, u f’ċertu każi kienet tinħass imminenti, anke meta kien fil-fatt il-PN stess li kien l-ewwel partit li mmobilizza n-nies fil-mass meetings meta żewġ Ħdud ilu sejjaħ protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni fil-Belt Valletta.
Fil-fatt, min segwa l-ewwel ġranet ta’ din il-kampanja elettorali, seta’ jinnota li l-Partit Nazzjonalista donnu nħasad b’din id-deċiżjoni, u dan seta’ jidher evidenti min-nuqqas ta’ preparazzjoni u organizazzjoni, kemm fl-attivitajiet organizzati, fir-reklamar għall-kampanja u anke mid-diskorsi nnifishom.
Billboards, big screens u banners
Dan in-nuqqas ta’ preparazzjoni min-naħa tal-PN, jidher iktar meta wieħed iqabbel ma’ dak li laħaq għamel il-PL fl-ewwel jiem, jekk mhux saħansitra fl-ewwel sigħat. Sa tmiem l-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali, ċioè l-ewwel ta’ Mejju, il-PL kien diġà ferrex għadd kbir ta’ billboards u banners fis-central strips u ma’ kull pont u barriera fit-toroq Maltin, nieda b’mod uffiċjali l-kampanja elettorali filgħaxija, b’filmati fuq big screens li intramaw apposta għall-elezzjoni mal-faċċata tal-kwartieri tal-PL. Dan minbarra l-preparamenti li ħejja għall-jiem sussegwenti fosthom l-attivitajiet taħt it-tinda, il-konferenzi tal-aħbarijiet filgħodu, kif ukoll l-għadd ta’ żjarat fost in-nies, fil-lokalitajiet. Minbarra dan, Muscat ma ħeliex żmien, u l-għada filgħodu li ħabbar l-elezzjoni, kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet jelenka numru ta’ proposti u prijoritajiet li l-Partit mistenni jaħdem fuqhom, jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu.
Sat-tielet jum tal-kampanja, kien għad m’hemmx billboards tal-Partit Nazzjonalista fit-toroq, għajr għal ftit banners imxerrda ’l hawn u ’l hemm. L-istess jista’ jingħad għall-organizzazzjoni tal-ewwel attività pubblika f’din il-kampanja tal-PN, li kuntrarjament għal dak li naraw is-soltu, jew għal dak li għamel il-PL fl-istess ġurnata, kien organizzat fl-istess Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, u mhux taħt it-tinda f’xi lokalità.
S’issa l-PN iffoka fuq il-każ Panama
Dan in-nuqqas ta’ preparazzjoni u sens ta’ ħasda, wieħed jista’ jħossu wkoll mid-diskorsi li qed isiru mill-Kap tal-PN stess. Fil-fatt, id-diskorsi tal-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk wieħed iħares lejhom, jara li ftit jew xejn kien hemm tibdil jew differenzi, issa li l-Partiti uffiċjalment jinsabu f’kampanja elettorali, kemm fil-kontenut u kif ukoll fil-mod li bih kien jitkellem fil-ġimgħat li għaddew. Id-diskorsi tal-Kap Nazzjonalista pjuttost jieħdu l-istess tema, bil-korruzzjoni u l-kontijiet fil-Panama bħala t-tema prinċipali, bi ftit li xejn tidher xi tip ta’ strateġija fid-diskorsi għajr għal kritika lejn Joseph Muscat. Għalkemm biex inkunu ġusti, il-Partit Nazzjonalista matul is-snin tiegħu fl-Oppożizzjoni ppubbika għadd ta’ dokumenti fuq temi differenti b’numru ta’ proposti f’oqsma differenti bħall-ekonomija, it-trasport u l-ambjent fost l-oħrajn, li minkejja li numru kbir minn dawn kienu validi, lanqas issemmew fl-għadd ta’ diskorsi fl-ewwel jiem. Il-PN qal biss li se jkun qed jippubblika tliet programmi elettorali differenti: wieħed speċifikament immirat għal Għawdex, wieħed għaż-żgħażagħ u l-ieħor ikun dak ewlieni.
Il-Partit Laburista, prattikament għandu headstart ta’ ġimgħa fuq il-Partit Nazzjonalista, sakemm dan tal-aħħar jilħaq jirranka sew, ‘jixgħel il-magna elettorali tiegħu’ u jaqbad ir-ritmu ta’ elezzjoni li ġiet fuqu bla mistenni. Minkejja dan, huwa fatt magħruf, li kif jgħidu, ‘a week is a long time in politics’, u allura, l-Partit Nazzjonalista għandu żmien sabiex jirranka u jipprova jlaħħaq l-isforzi li diġà saru mill-PL, anke jekk din hi kampanja elettorali qasira immens, waħda mill-iqsar kampanji elettorali ta’ pajjiżna, bi ftit iktar miż-żmien minimu li Gvern ikun obbligat li fiha jħabbar elezzjoni.
____
Minkejja l-bidu kajman li rat il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, dan il-partit beda jirranka bil-mod il-mod f’Għawdex. Wara konferenzi tal-aħbarijiet u mass rally li donnhom kienu ppreparati fl-aħħar minuta, nhar l-Erbgħa filgħaxija, b’attività politika taħt it-tinda l-PN deher li kien qed ibiddel ir-rotta u jadatta iktar għal kampanija elettorali.
Għaliex Għawdex?
Huwa fatt magħruf, u anke storiku li Għawdex minn dejjem kien fortizza Nazzjonalista. Biżżejjed wieħed iħares lejn ir-riżultati elettorali fl-aħħar snin, anke mill-Indipendenza lil hawn. Il-PN dejjem kellu s-sostenn tal-maġġoranza tal-Għawdxin, anke fl-aħħar elezzjoni, għaliex minkejja li s-siġġijiet parlamentari juru mod ieħor, il-maġġoranza tal-voti tat-tlettax-il distrett marret għall-PN.
Għaldaqstant, Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista għażlu li jibdew jikkampanjaw propju minn fejn għandhom fost l-aqwa sostenn. Iżda din l-elezzjoni f’Għawdex hi differenti minn dawk tal-aħħar 30 sena, hekk kif għall-ewwel darba sa mill-1987, id-deputata u eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Indubbjament, dan iħalli vojt kbir fost il-lista ta’ kandidati li qed jippreżenta l-PN, li huwa nieqes mill-heavy weights, u li għajr għal Chris Said, m’għandux ‘kandidati stilla’. Dan minbarra li huwa sigriet magħruf li l-Għawdxin ‘ta’ Giovanna’, minkejja li Nazzjonalisti xorta, ma jaslux jivvutaw għal Chris Said minħabba li huma żewġ fazzjonijiet differenti ta’ Għawdxin.
Minħabba dan il-vojt li se tkun qed tħalli Debono, jidher li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiffoka b’mod partikolari fuq din il-gżira. Dan fost l-oħrajn, bi programm elettorali speċifiku għal Għawdex u billi ddeċieda li jibda l-kampanja tiegħu minn hemm, waqt li l-ewwel proposti li semma kienu dwar din il-gżira.
‘Ministru għal Għawdex għandu jkun skrurinat mill-Kunsill Reġjonali’
Fil-fatt, uħud minn dawn il-proposti jaċċentwaw ċertu nuqqasijiet li l-poplu tat-tliet għoljiet, ħass matul dawn l-aħħar erba’ snin ta’ gvern Laburista. Ewlenin fosthom, kien hemm il-proposta tal-Kunsill Reġjonali li għandu jikkumplimenta l-ħidma tal-Ministru ta’ Għawdex. Waqt li kien qed jitkellem dwar din il-proposta fix-Xagħra u fiċ-Ċittadella, Simon Busuttil qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jiġi elett, ikun qed jagħti l-poteri mill-ġdid lill-Ministru ta’ Għawdex. Dan jikkumplimenta sew kritika li kienet spiss issir fil-konfront tal-Ministru preżenti għal Għawdex, li l-ILLUM ukoll kienet irrappurtat dwarha lura fl-2015, fejn intqal kif il-Ministeru għal Għawdex kien spiċċa bħala Ministeru mnaqqar meta tneħħew minn taħt ir-responsabbiltà tiegħu għadd ta’ responsabbiltajiet, li qabel kienu jaqgħu taħt il-Ministru għal Għawdex, bħall-enerġija, is-saħħa u l-edukazzjoni.
Fid-diskors tiegħu dwar Għawdex, Busuttil semma wkoll kif il-Ministeru mbagħad, jibda jkun taħt l-iskrutinju tal-Kunsill Reġjonali li mistenni jinħatar meta l-gżira tibda tiġi meqjusa bħala reġjun. Hawnhekk, jattakka l-mod tal-operat tal-Ministeru għal Għawdex preżenti u jgħid li dan il-kunsill reġjonali għandu jġib il-bidla meħtieġa, għalhekk jirkeb fuq is-sentiment negattiv ta’ sezzjoni ta’ Għawdxin kontra n-nepotiżmu li hemm fil-gżira. Dan is-sentiment ta’ nepotiżmu u, ‘mur għand il-Ministru ħalli jaqdik’, kienet irrappurtat dwaru din il-gazzetta iktar kmieni din is-sena f’Marzu, meta tkellmet dwar kif il-Ministeru għal Għawdex, ‘kien dar qisu l-ETC’, bl-ammont ta’ persuni li kien qed jimpjega fi ħdanu, partikolarment f’diversi oqsma, bħad-90 impjegat fiċ-Ċittadella, li kienet żvelat ukoll l-ILLUM.
“Mhux ikollok Ministru li ħadd ma jaf x’qed jagħmel u jħawwad waħdu, kif għandna llum, imma l-Kunsill Reġjonali jżomm lill-Ministeru taħt il-lenti u l-iskrutinju ta’ kunsill reġjonali, waqt li l-ministru jkollu l-poteri mill-ġdid,” sostna Busuttil f’Għawdex din il-Ġimgħa.
Proposta oħra mill-ħamsa li nieda l-PN għal Għawdex kienet dik li jagħti inċentiv finanzjarju ta’ €10,000 fil-forma ta’ għotja lil dawk il-koppji li jiddeċiedu li jibdew il-familja tagħhom fil-gżira Għawdxija. Dan, sostna l-PN, bil-għan li jerġa’ jippopola l-gżira u ma jħallihiex issir gżira tal-anzjani. Minkejja dan, meta mistoqsi għal iktar dettalji mill-ġurnalisti, li ppreżentaw għadd ta’ domandi leġittimi dwar proposta bħal din, fost l-oħrajn, kif se tiġi skrutinizzata din l-iskema u żgurat li l-persuni li jingħataw dawn il-flus, effettivament ikunu qed jgħixu f’Għawdex, ir-risposta ta’ Busuttil kienet li iktar dettalji u t-tnedija ta’ din l-iskema se jingħataw wara l-elezzjoni, fl-ewwel 100 jum tat-tmexxija ta’ Busuttil jekk dan jitla’ fil-Gvern.