Erba’ snin wara...l-ġudizzju tal-ILLUM dwar il-Gvern Laburista

Erba’ snin ta’ suċċessi u pudini...bejn tkabbir ekonomiku qawwi, xogħol u pajjiż miexi 'l quddiem sal-pudina Panama

Għaddew erba’ snin u ftit minn meta l-pajjiż kien qed jiċċlebera waħda mill-akbar rebħiet elettorali li partit politiku qatt kiseb f’Malta. B’maġġoranza ta’ 36,000 vot, il-Partit Laburista daħal fil-Gvern fil-glorja kollha li partit qatt jista’ jidħol għal din l-isfida.

Muscat kien tela’ bl-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll, bi programm elettorali ddettaljat u mirqum u li laqat lil ħafna votanti differenti minn diversi setturi differenti.

Dawn l-erba’ snin skorruti kienu kkuluriti, mimlijin azzjoni u bi kwistjonijiet jaħarqu, prattikament il-ħin kollu. Il-Gvern kellu enerġija kbira, iggverna f’perjodu ta’ tkabbir ekonomiku prattikament bla preċedent u neħħa mill-ixkaffa liġijiet u proposti, li laqtu lill-minoranzi b’mod pożittiv.

Il-Gvern ta’ Muscat 2013-2017 jibqa’ l-Gvern tar-rekords, tkabbir, ġid u drittijiet, daqskemm jibqa’ wkoll il-Gvern tal-Panama, tal-Kafè Premiere u tal-każ Gaffarena.

Jiġifieri minkejja li ħadd ma jikkontesta s-suċċessi kbar tal-Gvern ta’ Muscat, lanqas il-PM innifsu ma jikkontesta li saru żbalji goffi, forsi l-kelma proprizja tkun pudini!

Din li tispiċċa llum kienet l-ewwel ġimgħa minn kampanja elettorali li kif għidna l-ġimgħa l-oħra mistennija tkun qasira u qalila. Bħal-lum erba' Ħdud oħrajn inkunu nafu min se jmexxi dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin, sal-2022.

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn diversi oqsma u setturi matul dawn l-erba’ snin u tgħaddi l-ġudizzju finali ta’ kif mar Gvern Laburista f’kull wieħed minnhom. Kif wieħed jista’ jaqra, f’numru ta’ setturi Gvern Laburista għamel kisbiet kbar u ġab riżultati eċċellenti, f’oħrajn bena fuq dak li sab lest diġà u f'oħrajn, l-aktar fil-kwistjoni ta’ governanza, falla u falla bil-kbir.

 

Finanzi/Ekonomija - Tajjeb

Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat prova lilu nnifsu bħala Gvern mill-aktar ekonomikament u finanzjarjament kompetenti. Fil-fatt f’dawn l-erba’ snin fuq bażi soda li nbniet matul is-snin, l-ekonomija kibret bla preċedent. B’ekonomija Ewropea turi sinjali ta’ qawmien, Malta kisbet riżultati li tefgħu lil pajjiżna fuq quddiem nett tal-lista f’termini ta’ tkabbir ekonomiku. Il-ġid li nħoloq f’pajjiżna baqa’ jiżdied kontinwament biex Malta kienet qed tikkompeti, fost l-oħrajn mal-Ġermanja f’termini ta’ tkabbir.

Għall-ewwel darba fi snin pajjiżna għamel qligħ minflok defiċit u Muscat qed iwiegħed li l-pajjiż ikompli jagħmel dan il-qligħ sal-2022. Din hija kisba kbira għal dan il-Gvern, anke fid-dawl tal-fatt li din il-kisba ġiet f’nuqqas assolut ta’ miżuri  t’awsterità u b’numru kbir ta’ inizzjattivi soċjali.

Kieku l-poplu kellu jagħti ħafna toqol lill-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż, il-PL jirbaħ l-elezzjoni b’mod komdu ħafna.

 

Ix-xogħol...ix-xogħol - Tajjeb

L-akbar kisba ta’ dan il-Gvern jibqa’ l-ammont ta’ xogħol li nħoloq f’dawn l-aħħar erba’ snin. L-aħħar ċifri juru illi l-qgħad naqas minn madwar 6% f’Jannar tal-2014 għal 4.2% f’Jannar ta’ din is-sena. Sa sena ilu Malta kellha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha u r-rata ta’ qgħad f’Malta waqgħet għal 4.1% fi Frar, l-inqas rata ta’ qgħad f’Malta mindu bdiet tiġi ppubblikata din l-istatistika fis-sena 2000.

Malta bħalissa qed tara wkoll livelli bla preċedent ta’ nies jaħdmu, fil-fatt sa Novembru li għadda l-ammont ta’ nies jaħdmu f’xogħol fulltime f’pajjiżna kien tela’ għal 182,220 persuna. Żieda ta’ 3.5%. Naturalment din il-klima ġabet magħha ħafna ħaddiema barranin, hekk kif id-disponibilità ma bdietx tlaħħaq mad-domanda.

Minkejja dan is-suċċess, il-prekarjat u l-impjiegi b’pagi pjuttost baxxi jew b’kundizzjonijiet illegali jibqgħu problema, anke jekk il-Gvern ħa numru ta’ miżuri f’din id-direzzjoni.

Jekk il-poplu se jagħti lix-xogħol toqol konsiderevoli fil-mod kif jivvutaw, il-PL se jkollu ċans kbir li jkun elett għax in-nies se jarawh bħala l-Gvern li jew se joħloq l-aktar impjiegi, jew inkella li huwa l-aktar probabli li joħloq impjiegi u prospetti ta’ tkabbir.

 

L-Ambjent - Ħażin

Huwa minnu li l-Gvern Laburista għalaq il-Power Station tal-Marsa u biddel l-operat tal-Power Station ta’ Delimara għal waħda li taħdem bil-gass. Dawn kienu passi ’l quddiem ħafna għall-kwalità tal-arja.

Apparti minn dan iżda l-Gvern ftit li xejn ħa inizjattivi biex l-ambjent rurali, il-kampanja u l-ispazji pubbliċi jitjiebu jew jiżdiedu. Il-Gvern deher wisq impenjat ikun ħanin ma’ min irid jibni/iżid xi sular jew jiżviluppa biex ikun innovattiv fl-ambjent. Fl-ewwel erba’ snin il-Gvern naqas bil-qawwi milli jieħu inċentivi ta’ afforestazzjoni u inċentivi oħrajn biex żoni mitluqin jinbidlu fi spazji rikreattivi.

Il-Ministeru tal-Ambjent immexxi, l-ewwel minn Leo Brincat u issa minn Josè Herrera deher bla saħħa u bi ftit grinta.

Biex tgħaxxaq qamet il-kwstjoni tal-bini tal-Università Amerikana fiż-żona taż-Żonqor f’Marsaskala, liema kwistjoni qajmet ir-rabja ta’ ħafna mill-votanti ‘ħodor’ u anke dawk li għandhom għal qalbhom l-ambjent. Wara ħafna protestazzjonijiet u dimostrazzjonijiet il-Gvern laħaq ‘kompromess’, imma l-ħsara kienet saret u l-perċezzjoni li għall-Gvern Laburista l-ambjent mhux importanti kienet issa kkonsolidata.

Jekk il-votant se jagħti ħafna toqol lill-inizjattivi ambjentali, il-PL se jkollu l-inkwiet.

 

Turiżmu u Proprjetà  - Tajjeb

Żewġ setturi li f’dawn l-aħħar erba’ snin marru tajjeb ħafna, anzi li eċċellaw, kienu t-turiżmu u l-qasam tal-proprjetà. It-turiżmu ra żidiet qawwijin, sena wara l-oħra. Fl-2016 in-numru ta’ turisti ġejjin Malta żdied b’10.5% meta l-medja fl-Ewropa kienet ta’ 4.4%. Is-sena l-oħra t-turisti li ġew pajjiżna ħallew ukoll €1.7 biljun fil-kaxxa ta’ Malta. Dawn ir-riżultati għenu biex iddur ir-rota ta’ ħafna negozji u anke lukandi.

Is-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà wkoll għaddew minn tkabbir qawwi ħafna. Fil-fatt dawn it-tliet snin li għaddew kienu meqjusin bħala snin ta’ tkabbir bla preċedent fil-qasam tal-bejgħ u kiri ta’ proprjetà. Dan wassal għal żieda notevoli fl-impjiegi f’dan il-qasam, żidiet fid-dħul tal-ħaddiema f’dan is-settur, ritorn tajjeb għall-proprjetarji u żieda fil-bejgħ buy-to-rent. Il-Gvern ħa numru ta’ deċiżjonijiet li taw spinta qawwija lil dan l-istess settur, fosthom dik ta’ għajnuna lill-First Time Buyers.

Jekk dawk li jaħdmu f’dawn is-setturi se jagħtu toqol lit-tkabbir fis-settur li jaħdmu fih meta jivvotaw, il-PL jista’ jkollu vantaġġ.

 

Trasport u Infrastruttura - La Tajjeb u lanqas Ħażin

F’dan il-qasam il-Gvern ma kienx diżastruż imma lanqas ibbrilla. It-trasport pubbliku, kellu u għad għandu ċerti problemi. It-taqliba għall-ALESA ġabet ħafna garr għall-ewwel, għalkemm dan naqas hekk kif beda għaddej iż-żmien. Minkejja titjib konsiderevoli, għad hemm problemi li għadhom qed jagħmlu t-trasport pubbliku ineffiċjenti.

It-toroq għadhom problema kbira, kif ilhom għal ħafna snin. F’dawn l-aħħar erba’ snin sar il-proġett ta’ Triq il-Kosta, li sar b’mod pjuttost spedit b’xogħol tajjeb u bħalissa għaddej mgħaġġel ix-xogħol fuq Triq Reġjonali fejn qed tinbena sistema ta’ flyovers. Anke hawn ix-xogħol għaddej tajjeb.

Minkejja dawn, l-innovazzjoni ma kinitx il-forte tal-Gvern f’dan is-settur u minkejja numru ta’ miżuri t-traffiku baqa’ jiżdied u sar problema li ħafna jitkellmu dwarha.

 

Drittijiet Ċivili - Tajjeb

Qasam illi fih hawn qbil nazzjonali huwa li Gvern Laburista ma qagħadx lura milli jdaħħal drittijiet li dan il-pajjiż kien ilu jiddiskuti għal ħafna snin u li dwarhom baqa’ qatt ma sar xejn. Id-dritt ta’ Unjoni Ċivili għall-persuni tal-istess sess, il-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru li jagħtu drittijiet lil diversi persuni trans u l-Liġi tal-Koabitazzjoni kienu kisbiet kbar għal dan il-Gvern f’dan il-qasam. Tant hu hekk li hawn kunsens anke fost il-kritiċi tal-Gvern preżenti li, fil-fatt f’dan il-qasam il-Gvern għamel kisbiet kbar.

Jekk il-votanti LGBTIQ, dawk il-mijiet ta’ koppji li jgħixu flimkien imma mhux miżżewġin kif ukoll dawk li għandhom għal qalbhom id-drittijiet ċivili se jagħtu ħafna toqol lil dan il-fattur, il-Partit Laburista se jkollu imbuttatura tajba. Naturalment, dan kollu jgħodd ukoll mal-mistoqsija dwar jekk il-PL hux se jagħmel iktar wegħdi f’din id-direzzjoni.

 

Governanza u Trasparenza - Ħażin

L-akbar kritika li qala’ dan il-Gvern, ħafna minnha ġustifikata wkoll kienet dwar il-kwistjoni tal-governanza u t-trasparenza. Il-każ tal-kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri qajmu spettru ikrah għall-Gvern hekk kif inbniet b’suċċess mill-Oppożizzjoni l-perċezzjoni li l-Gvern preżenti ‘jaħbi’ u mhux trasparenti.

Din il-kwistjoni waħedha mneffħa sew mill-PN għamlet ħsara kbira lill-Gvern Laburista, speċjalment fid-dawl tal-fatt illi l-istess Oppożizzjoni qajmet ħafna dubji dwar flejjes mill-Azerbaijan. L-istess pajjiż li miegħu Malta nnegozjat ftehim dwar iż-żejt u l-gass. Id-dewmien biex ikunu ppublikati ċerti kuntratti, anke jekk raġuni kompletament leċta, kompliet iżżid mal-pressjoni fuq il-Gvern.

Id-dell ta’ Gvern li qed jaħbi, anke jekk mhux reali u parti minnu huwa perċezzjoni kompla jissaħħaħ mill-fatt illi Muscat deher riluttanti ħafna li jneħħi lil Mizzi, li jekk xejn messu kien jaf aħjar milli jiftaħ kont f’ġurisdizzjoni dubjuża.

Il-governanza mhux talli ma kinitx is-saħħa ta’ dan il-Gvern, talli kienet l-iktar kwistjoni li benġlitu u li għamlet ħsara għall-immaġini tiegħu.

Jekk il-poplu se jagħti ħafna toqol lil din il-kwistjoni l-PL se jkollu problema kbira u jista’ saħansitra jitlef l-elezzjoni.

 

Saħħa u Edukazzjoni - La Tajjeb u lanqas Ħażin

F’dawn iż-żewġ setturi l-Gvern Laburista bena fuq ħafna minn dak li kienu għamlu Gvernijiet ta’ qabel, b’mod speċjali Gvernijiet Nazzjonalisti. Il-Gvern sostna l-infrastruttura li nbniet mill-Gvern ta’ qabel fil-każ tas-saħħa u żied magħha wkoll fil-qasam tal-edukazzjoni. Gvernijiet Nazzjonalisti kellhom diversi merti f’dawn iż-żewġ oqsma li dan il-Gvern bena fuqhom.

Minkejja dan, il-Gvern preżenti xorta indirizza problemi li kienu ilhom idejqu lin-nies, fil-qasam tas-saħħa. Fost dawn hemm it-tnaqqis qawwi fil-lista ta’ nies li kienu qed jistennew trattament, il-mediċini li kienu ‘out-of-stock’ u anke n-numru ta’ pazjenti li kienu qed jieħdu t-trattament fil-kurituri tal-isptar. Il-Gvern ikkonkluda wkoll ix-xogħol fuq l-Isptar tal-Onkoloġija u bena swali ġodda fl-Isptar Mater Dei.

Fil-qasam tal-edukazzjoni l-Gvern nieda diversi programmi u inizzjattivi pożittivi ferm, li indirizzaw l-illitteriżmu u lil dawk l-istudenti li akkademikament ibatu biex jirnexxu, permezz tal-Alternative Learning Programme (ALP). Iż-żewġ Ministri rispettivi, Chris Fearne u Evarist Bartolo, huma popolari ħafna man-nies u meqjusin bħala wħud miż-żwiemel tal-Kabinett li kellu Muscat.

Minkejja dan, fil-qasam tas-saħħa għad hemm numru ta’ mistoqsijiet u dubji fuq investiment partikolari, li mistenni jibda jħalli l-frott. Minkejja li minnu nnisfu u fuq il-karta l-investment ta’ Barts u l-privatizzazzjoni ta’ San Luqa u l-Isptar ta’ Għawdex huma pożittivi ħafna, lil hinn mill-karta hemm ħafna mistoqsijiet.

Mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare qajmu diversi dubji, l-aktar dwar il-futur tal-ħaddiema, il-kuntratt, li kien ippubblikat wara ħafna xhur u anke r-rappreżentant tal-istess kumpanija Ram Tumuluri. Dwar tal-aħħar kienet din il-gazzetta li żvelat kif Tumuluri ma kellu ebda esperjenza fil-qasam u li l-unika fatt pubbliku fuq is-CV tiegħu kien negozju li falla.

Fir-rigward tal-edukazzjoni, minkejja r-riżultati, allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li fih kien implikat person of trust tal-Ministru Bartolo, tefgħu dell fuq ix-xogħol li kien qed jagħmel il-Ministru u l-Gvern f’dan il-qasam.

Għalhekk il-ġudizzju hawn jibqa’ bejn pożittiv ħafna, imma fl-istess ħin b’ċerti dubji u mistoqsijiet.

 

Faqar u l-aspett soċjali - Tajjeb

Għal dawn l-aħħar erba’ snin u għal bosta drabi saret l-akkuża li l-Gvern ta’ Muscat kien maqtugħ mir-realtà tal-ħaddiema f’pajjiżna, anzi kien hemm ukoll l-akkuża illi dan il-Gvern tradixxa l-ideal tal-ħaddiem. Fil-verità iżda u meta wieħed jieħu kollox f’kunsiderazzjoni dan il-Gvern wettaq lista twila ta’ miżuri li jistgħu, faċilment, jitqiesu bħala soċjali.

Ċentri tat-tfal għal matul il-jum b’xejn, benefiċċji lil dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol imma jibqgħu jieħdu l-benefiċċji għall-ewwel tliet snin, żieda fl-għajnuna supplimentari, żieda fil-pensjonijiet, stipendju lil dawk li qed jirrepetu sena, pjan biex il-mediċini kollha tal-kanċer jingħataw mingħajr ħlas, żieda fis-sussidju għall-kera, qtugħ tal-boll għall-First Time Buyers, tneħħija tat-taxxa lil dawk li jaqilgħu l-inqas, l-għajnuna mwiegħda għal dawk li ma jifilħux iħallsu depożitu fuq proprjetà u bosta miżuri oħrajn.

Dawn il-miżuri, xi ftit jew wisq, jikkontradixxu l-għajta illi dan il-Gvern mhux soċjali.

Min-naħa l-oħra iżda, il-Gvern waqa’ lura fuq proġetti ta’ housing. Fil-fatt dan kien wieħed mill-fatturi li l-aktar illi kienu kritikati u li dwarhom kien hemm diversi ilmenti minn bosta votanti Laburisti u persuni fis-saffi t’isfel tad-dħul. Biex inkunu eżatti mal-fatti l-Gvern beda xogħol ta’ skavar fuq proġett ta’ €50 miljun madwar il-pajjiż kollu, bix-xogħol ta’ skavar jibda fuq Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ. L-akbar housing estate se jkun f’Ħal Farruġ, kif kienet żvelat din il-gazzetta stess.

Apparti minn dan iżda, fl-aħħar jiem il-Gvern wasal għal qbil mas-soċjetà ċivili biex ikun hemm żieda fil-paga minima. Għalkemm iż-żieda maqbula kienet nofs dak li talbet il-kampanja għall-Paga Minima Diċenti, xorta tibqa’ l-ewwel żieda effettiva fil-paga minima f’iktar minn 30 sena.

 

Ġustizzja u Intern - La tajjeb u lanqas ħażin

Fil-qasam tal-ġustizzja l-Gvern wettaq diversi miżuri u daħħal liġijiet li kienu ilhom fuq l-ixkaffa u kienu ilhom jiġu proposti għal ħafna żmien. Fost dawn kien hemm it-tneħħija tal-Preskrizzjoni minn fuq il-politiċi, li jfisser li politiku jistgħu jsiru proċeduri kontrih anke jekk l-allegat każ ikunu għaddew iktar minn 10 snin minn meta jkun allegatament sar.

Apparti minn dan, il-Gvern introduċa d-dritt li akkużat ikollu avukat miegħu waqt l-interrogazzjoni, saret riforma fil-qasam tar-reati relatati mad-droga bil-konsegwenza li l-użu strettament personali f’ammonti żgħar hija punibbli b’multi, minflok il-persuna titella’ l-qorti. Dan apparti li fil-każ tal-użu ta’ marijuana l-azzjoni kontra minn qed jużaha huma inqas iebsin, minn dawk in-nies li jinqabdu jagħmlu użu minn drogi bħall-kokaina u eroina.

Matul dawn is-snin ukoll naqset il-lista ta’ nies li kienu qed jistennew biex il-Qorti tisma’ l-każ tagħhom u l-Gvern nieda riforma fil-qasam tal-ġustizzja li  mibnija fuq il-proposti tal-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono, liema proposti kien waqgħu fuq widnejn torox minn Gvern preċedenti.

F’dan il-qasam kien hemm deċiżjonijiet li nisslu ċerti dubji, l-aktar l-għażla ta’ ċerti Maġistrati, primarjament Wenzu Mintoff, Toni Abela, Grezzju Mercieca u Joe Mifsud. Minkejja li l-ħatra tagħhom kienet kontroversjali, l-andament tax-xogħol u l-integrità tagħhom qatt ma kien taħt ebda dubju. Mifsud terġa’ u tgħid kiseb ukoll ċerta popolarità.

Fl-intern, is-sitwazzjoni hija xi ftit differenti. L-ewwel darba li ntefa’ taħt ammont ta’ dubju kien meta l-Ministru Manuel Mallia kien ta amnestija, imma l-akbar dell kien fil-fatt li b’kollox saru ħames tibdiliet fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Minn Rizzo għal Pietru Pawl għal Ray Zammit, imbagħad għal Cassar u fl-aħħar għall-Kummissarju li hemm fil-preżent, Lawrence Cutajar. Dawn it-tibdiliet taw impressjoni ta’ korp mgerfex u taħt pressjoni. Cassar kien qal li kellu jirreżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa, imma l-PN jinsisti din ir-riżenja seħħet minħabba r-rapport tal-FIAU.

Min-naħa l-oħra saru affarijiet pożittivi wkoll, bħall-fatt li l-Gvern ta d-dritt lill-Korpi ddixxiplinati jkunu parti minn union, mingħajr id-dritt ta’ strajk, għamel diversi sforzi ta’ recruitment u sar investiment f’għasses ġodda, fosthom fis-Swieqi. 

More in Politika