'Għandna manifest elettorali superjuri għal dak tal-2013'
Joseph Muscat saħaq li ma jsibx problema li l-elezzjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipji għaliex 'żammejna mal-wegħdiet tagħna'
More in Politika
Joseph Muscat saħaq li ma jsibx problema li l-elezzjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipji għaliex 'żammejna mal-wegħdiet tagħna'
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-manifest elettorali li se jkun qed iniedi l-Gvern iktar tard matul il-ġimgħa d-dieħla huwa superjuri għal dak li l-Partit Laburista kien ippreżenta lura fl-2013.
Waqt li kien qed jindirizza attività ta’ mistoqsija u tweġiba taħt it-tinda f’Ħal Kirkop, Joseph Muscat indirizza kummenti li għadda l-viċi kap tal-PN Beppe Fenech Adami, li qajjem dubji dwar id-dokument tal-vot il-ġdid. Muscat qal li dan huwa dubju ‘ejjed għaliex il-materjal użat kien approvat unanimament mill-Kummissjoni Elettorali li hija magħmula minn membri rappreżentanti taż-żewġ partiti. “Nappella lill-Oppożizzjoni sabiex ma tużax kliem biex tipprova timmina l-istituzzjonijiet tal-pajjiż,” żied jgħid Muscat.
Joseph Muscat tenna l-appell li għamel matul il-mass meeting tal-bieraħ, fejn saħaq li hu ħassu offiż bil-kummenti li għadda fil-Birgu l-Kap tal-Oppożizzjoni, u saħaq li l-Maltin għandhom ‘wiċċ wieħed’, dak ta’ ħaddiema u beżlin.
Il-Prim Ministru, li ngħata merħba minn folla ta’ Koppin, tenna l-proposti li għamel iktar kmieni dalgħodu meta kien qed jelenka iktar prijoritajiet li se jkunu fost miżuri fil-manifest elettorali.
Rigward l-edukazzjoni, Muscat qal li jrid jintlaħaq bilanċ fl-investiment tal-għalliema. Sostna kif l-għalliema ma jistgħux jibqgħu jitgħabbew b’affarijiet burokratiċi. Semma kif propota partikolari għandha tara tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol tal-għalliema biex tingħata iktar attenzjoni lill-istudenti u fl-istess waqt, ikunu qed jittejbu l-kundizzjonijiet tal-istess għalliema sabiex jiġu attirati l-aqwa nies.
Il-qasam tan-negozju, Muscat qal li se jkompli jkun ta’ prijorità, minkejja l-kritika li huwa Gvern pro-business.
F’Ħal Kirkop, il-mexxej tal-PL saħaq li s-saħħa hi prijorita hekk kif fost l-oħrajn se jkunu qed jinbnew żewġ sptarijiet qrib Mater Dei, wieħed għall-kura tal-ommijiet u l-ulied u ieħor għas-saħħa mentali, u dan bil-għan li tinqata’ l-istigma minn fuq persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Intqal ukoll kif se jkomplu jiżdiedu l-mediċini b’xejn fosthom dawk tal-kanċer, u dan waqt li ta assigurazzjoni personali li s-saħħa tibqa’ b’xejn għall-kulħadd.
Joseph Muscat qal li l-għan tal-Partit Laburista huwa li jħajjar lil kemm jista’ nies sabiex jużaw it-trasport pubbliku. Dwar il-proposta ta’ trasport għat-tfal tal-iskejjel kollha b’xejn, Muscat qal li din kienet proposta tal-Oppożizzjoni, iżda l-PL, ipperfezzjonaha billi daħħal is-superviżjoni f’dan it-tip ta’ trasport
‘M’għandix problema nagħmilha elezzjoni fuq il-prinċipji’
Muscat saħaq li l-PL mgħandux problemi li l-elezzjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipji, u n-nies jivvutaw fuq hekk, hekk kif sostna li l-Gvern għandu track record ta’ wegħdiet li matul dawn l-aħħar 4 snin, żamm kelmtu fuqhom u wettaqhom. “Hija għażla bejn min għandu proposti nofs sajra għaxhela hinu u min lest biex jiggverna bi proposti fattwali,” sostna Muscat.