Ilbieraħ filgħaxija, il-Kummissjoni Elettorali għamlet laqgħa b'urġenza sabiex tiddiskuti s-sigurtà tad-dokument tal-vot, hekk kif ktar kmieni lbieraħ, il-viċi kap tal-PN, Beppe Fenech Adami qajjem tħassib dwar is-sigurtà tal-istess dokument u l-faċilità li bih wieħed jista' jibdlu.
Dwar dan, il-Prim Ministru lbieraħ tenna li l-materjal magħżul għad-dokument tal-vot kien wieħed magħżul mill-membri kollha tal-Kummissjoni Elettorali u maqbul unanimament, minn fost il-partijiet kollha li huma magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ partiti.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali assigurat li l-medium ġdid introdott tad-dokument tal-vot fih tliet security features li ssodisfaw kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lid-Delegati tal-Partiti.
Il-Kummissjoni Elettorali tindika li għas-serħan ulterjuri tal-moħħ tal-pubbliku ser ikun hemm verifika tal-votanti b’reqqa akbar waqt il-votazzjoni.
Il-Kummissjoni fakkret li kull votant għandu jieħu ħsieb li jerfa’ d-dokument tal-vot f’post sigur sabiex fil-jum tal-votazzjoni jkun jista’ jieħdu miegħu biex jivvota fil-post tal-votazzjoni indikat fuq id-dokument. Ħadd ma jkun jista’ jivvota mingħajr dokument tal-votazzjoni.
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar fil-provvediment tal-liġi elettorali, illi, kull min ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument tal-vot, jew jiffalsifika, jimita jew jiddistruġġi b’qerq xi dokument tal-vot jista’ jinstab ħati ta’ reat u jeħel, meta jinstab hekk ħati, multa jew priġunerija, jew dik il-multa u l-priġunerija flimkien.