'Fuq il-bejgħ tal-passaporti Busuttil diġà biddlu bħal żugraga l-prinċipju'

..wara li iktar kmieni Simon Busuttil qal illi Gvern Nazzjonalista se jżomm il-programm tal-IIP, wara li kkampanja kontrieh u saħasnitra sfidah fil-Parlament Ewropew

Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat fl-Imsida  |  Ritratt James Bianchi
Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat fl-Imsida | Ritratt James Bianchi

Fl-Imsida, quddiem folla mdaqqsa ta’ partitarji Muscat fakkar li kien hemm min qal, b'referenza għal Busuttil, li din mhix elezzjoni dwar proposti imma dwar prinċipji "u jien meta smajt hekk skantajt gġħal żewġ afferijiet. L-ewwelnett kull elezzjoni hija dwar prinċipji u t-tieni l-proposti li qed inressqu aħna qed inressquhom permezz ta’ prinċipji.”

Muscat qal illi l-proposti ma tistax taqlagħhom mill-prinċipji, għax huwa l-prinċipju li jagħtik id-direzzjoni .

Muscat elenka l-prinċipji tiegħu u tal-Partit Laburista. L-ewwel, il-mobilita’ soċjali, jiġifieri li persuna tkun tista’ timxi ‘l quddiem. “Għalhekk il-bonus li qed nwiegħdu, mhux sempliċiment qed nibgħatu ċekk biex nixtru l-vot. Hemm prinċipju warajh, il-prinċipju li timxi ‘l quddiem.” Muscat qal li l-Gvern jemmen li għandu jagħti l-għajnuna lil min għandu bżonn, “għalhekk se nżidu l-pensjonijiet, għalhekk se ngħinu lil min ma jiflaħx iħallas id-depożitu biex jixtru post. Mhux biex nixtruhom imma għax mnebbħin mill-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.”

Prinċipju ieħor li tkellem dwaru Muscat kienet l-edukazzjoni. “Irrispettivament minn min huma l-ġenituri tagħhom, dawk it-tfal għandhom ikollhom l-istess possibilità ta’ suċċess. Għalhekk qed inwiegħdu li nneħħu l-ħlas fuq l-eżamijiet. Aħna ma rridu l-ħadd jaqa’ lura għax ma il-familja ma jkollhiex il-mezzi. Ma rridu lil ħadd jaqa’ lura,” sostna Muscat għall-aprovazzjoni tal-folla li nġabret l-Imsida.  

Muscat sostna li l-ugwaljanza jew temmen fiha jew le, “id-drittijiet tal-minoranzi huwa li titkellem għal min m’għandux leħen, għal dawk il-mijiet li jbatu minn kundizzjonijiet,” għalhekk kompla jgħid Muscat, il-pazjenti li jkollhom probblemi ta' saħħa mentali “mhux iktar l-isptar Monte Carmeli se jmorru imma fl-isptar ġenerali. Hemm huma l-prinċipji. Dawk huma l-prinċipji.”

Il-PM u l-Mexxej Laburista qal illi prinċipju ieħor huwa dak tal-familja. “Hemm numru ta’ affarijiet li ma tistax tixtri u fost dawn hemm il-ħin. Għalhekk se nagħtu lura lill-poplu aqwa minn kwalunkwe bonus, il-ħin permezz ta’ vaganzi. Tajna d-dinjità lura lil tant nies fil-Marsa u Marsaxlokk u issa jmiss Wied il-Għajn, fejn se ngħalqu l-impjant ta’ Sant’Antnin fuq medda ta’ seba’ snin.”

Min irid jitkellem fuq prinċipji? Min l-unika prinċipju hija li jgħaqqad koalizzjoni ta’ nies li huma biss kontra Joseph Muscat. Jekk tikkonvinċi lin-nies, Muscat jitlaq mhux problema. Imma imbagħad l-għada?”

"Tiftakru xi kruċjata kbira għamlilna u ħadna l-Ewropa u l-Ewropa tatna raġun fuq l-iskema tal-passaporti. Kien jgħid li ‘għalina li tbiegħ iċ-ċittadinanza mhux aċċettabbli bħala prinċipju’. Allura stennejt li se jneħħieh jekk ikun fil-Gvern, minflok se jżommu. Diġa spiċċa l-prinċipju ħaseb li bil-prinċipju tista' ddur bħal żugraga forsi in-nies ma jindunawx. Ara aħna żbalji għamilna, imma m’aħniex ipokriti. Fejn niżbaljaw ngħidu.."

Dwar it-trasparenza Muscat fakkar illi dan kien il-Gvern li l-aktar li ppublika kuntratti u anke introduċa t-tneħħija tal-preskrizzjoni kontra l-politiċi. “Issa kieku jien għandi x’naħbi se ndaħħal liġi li tista’ taħdem kontrija?” staqsa Muscat.

Muscat qal illi Busuttil qed jimbotta kandidat li fil-fehma tiegħu mara jistà jkun ħaqqa li tissawwat għax tkun provokat lir-raġel. Huwa kkritika l-proposta tal-PN dwar child care, “li mhux biss mhux maħsuba imma hija perikoluża għax tħott dak kollu li bnejna f’dawn l-erba’ snin.”

“Din hija waħda mill-elezzjonijiet fejn qed tidher il-mibgħeda. Jekk ġie attakkat xi ħadd, huwa jien, marti u wliedi. M’jien se nippermetti qatt li nwieġeb lura bil-mibgħeda. Xogħoli li ngħaqqad mhux nifred. Għandna Kap tal-Oppożizzjoni klassista; Erba’ snin ilu kien qal illi Deborah Schembri għandha wiċċ ta’ Nazzjonalista, imbagħad qajjem paniku għax ħadna Prim Ministri jieklu pastizz u jixorbu tè. U l-Ħadd mar il-Birgu u qagħad jgħidilhom fuq kemm għandhom problemi. Dan pajjiż wieħed magħqud, li mhux se jinfired.”

Muscat reġa tenna li jekk jitlef l-elezzjoni lest li jirrieżenja, imma jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja hu lest li jompli jservi lill-pajjiż għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna. 

More in Politika