Cardona: Mill-ħames għall-ħdax-il distrett u Ċensu għal Għawdex flok San Pawl

Il-kandidatura ta' Busuttil fuq it-tnax-il distrett il-PN magħmula biex tiġbor lura mas-6,820 vot Nazzjonalista li mar għand Deputati li mhux se jerġgħu joħorġu fuq dan id-distrett

Cardona għal fuq il-Ħdax il-Distrett u Ċensu Galea għal Għawdex
Cardona għal fuq il-Ħdax il-Distrett u Ċensu Galea għal Għawdex

Fis-sigħat li għaddew komplew il-preparamenti għal-lista finali tal-kandidati fuq kull distrett. Fil-Partit Laburista, ftit wara li Muscat ħabbar li se jkun qed joħroġ fuq il-Ħames distrett, issa d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona ħabbar li se jkun qed joħroġ fuq il-ħdax-il-Distrett. Fuq dan id-distrett se jkun hemm ukoll fuq il-lista, din id-darba tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN Simon Busuttil. L-intenzjoni oriġinali ta' Cardona kienet li jkun Kandidat fuq il-Ħames Distrett, fejn apparti Joseph Mucsat se jkun hemm ukoll il-Ministru Owen Bonnici u lista twila ta' kandidati, uħud għall-ewwel darba u oħrajn le. Hawnhekk il-PL għandu mat-8,000 vot li l-aħħar darba kienu marru għand Karmenu Vella, Marlene Farrugia u George Vella. 

Intant fuq in-naħa l-oħra tal-munita politika huwa ċar li d-deċiżjoni li Busuttil joħroġ fuq it-tnax-il distrett huwa sforz il-fatt li hawnhekk, il-Partit Nazzjonalista prattikament se jkun qed jitlef l-akbar żwiemel tiegħu. Fil-fatt, f'dan id-distrett li jinkorpora fih il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar (Qawra, Buġibba, Xemxija, Wardija) u parti minn Naxxar, il-PN se jitlef tliet 'żwiemel'. Ċensu Galea, Micheal Gonzi u Tonio Fenech

Galea, kif fil-fatt kien żvela dan is-sit, mhux se joħroġ fuq dan id-distrett hekk kif bintu Graziella li bħalissa hija sindku ta' San Pawl il-Baħar se tkun kandidata hi. Galea huwa sinomimu ma' din il-lokalità, speċjalment permezz tal-Mistoqsijiet Parlamentari tiegħu li ħafna drabi jkunu jirrigwardaw kwistjonijiet dwar San Pawl u l-madwar. Galea, fl-aħħar elezzjoni kien kiseb 732 vot, u fl-elezzjoni li ġejja se jkun qed jikkontesta f'Għawdex, għall-ewwel darba. 

L-aktar li ġabu voti iżda fl-2013 kienu it-Tabib Micheal Gonzi, ħu l-eks PM Lawrence Gonzi u residenti f'San Pawl il-Baħar, bħal Galea. It-tabib ferm popolari fil-lokalità kien kiseb 2,886 vot fl-ewwel għadd. L-aktar li kien akkwista preferenzi kien l-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech, li għalkemm Karkariż kien ikkontesta fuq dan id-Distrett fl-2008 ukoll. Fenech kien ġab b'kollox 3,202-il vot. 

Dan ifisser illi fuq dan id-distrett il-PN għandu 6,820 vot li probabbilment se jmorru kollha jew kważi kollha għand Busuttil fil-preferenza. 

Apparti l-Mellieħi Robert Cutajar u Claudette Buttigieg li kienu wkoll marru tajjeb fl-aħħar elezzjoni, fuq dan id-distrett mistenni jkun hemm ukoll fuq il-lista Nazzjonalista Salvu Mallia

Dan id-distrett huwa magħruf bħala l-aktar wieħed illi fih ikun hemm nies li ma jiġbrux il-vot jew ma jivvutawx, l-aktar minħabba l-lokalità ta' San Pawl il-Baħar. Din id-darba Burmarrad, li sa ftit ilu kienet taqa' ma' dan id-Distrett se tifforma parti mill-11-il Distrett. 

More in Politika