Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma llejla li Louis Grech mhux se jkun qed joħroġ għall-elezzjoni ġenerali, xi ħaġa li kienet ilha tinstema' imma mhux ikkonfermata. Muscat iżda stieden lil Grech biex jekk elett ikun konsulent tiegħu jattendi l-laqgħat tal-Kabinett. Emozzjonat, Muscat qal, "Louis għad għandu ħafna x'jagħtina."
Grech faħħar l-entużjażmu u l-enerġija ta' Muscat, "huwa l-aħjar post li qed inħabbar dan, għax qiegħed fost il-familja tiegħi." Emozzjonat, Louis Grech stqarr id-dieqa tiegħu illi kellu jieħu d-deċiżjoni li ma jerġax jikkontesta. "Nirringrazzja lill-PM li tani l-opportunità li nservi lil pajjiżi f'dawn l-erba' snin. Jien se nkun parti mill-kampanja u jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja nibqa' naħdem, għax il-pajjiż għandu bżonn Gvern Laburista biex ħajjet il-poplu tkompli titjieb."
Grech kien Viċi PM u kien qed imexxi il-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej. Huwa mifhum li Grech iddeċieda li ma jkomplix minħabba raġunijiet ta' saħħa.