'Lanqas mal-impjegati tiegħu stess mhu raġel Simon Busuttil...aħseb u ara'

Fil-Kalkara, Joseph Muscat jinsisti li n-nies jiġu qabel il-flus meta kien qed jitkellem dwar it-twaqqigħ tat-tankijiet f'Birżebbuġa

Il-kandidat Jean Claude Micallef jitkellem fil-Kalkara | ritratt: James Bianchi
Il-kandidat Jean Claude Micallef jitkellem fil-Kalkara | ritratt: James Bianchi

Il-kandidat Laburista Jean Claude Micallef, li sa ftit ta' żmien ilu kien impjegat tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, saħaq li Simon Busuttil, "lanqas mal-impjegati tiegħu stess mhuwa raġel."

Waqt li kien qed jitkellem f'attività politika fil-Kalkara, Micallef staqsa kif jista' Simon Busuttil, "jiġi quddiemna, daqs li kieku huwa alternattiva għal dan il-pajjiż?" Dan waqt li awgura li l-ħaddiema kollha tal-PN ikunu qed jitħallsu għax-xogħol li qed jagħmlu matul din l-elezzjoni. 

Il-Prim Ministru li kien qed jindirizza din l-attività tal-Partit tkellem dwar it-tankijiet tal-fuel f'Birżebbuġa u sostna li "n-nies jiġu qabel il-fuel," hekk kif ġie deċiż li jitnaqqas l-ammont ta' flus li jiddaħħal mill-bunkering, u minflok, jitwaqqgħu dawn it-tankijiet f'Birżebbuġa li kienu ta' periklu għan-nies tal-madwar, li issa se jkollhom arja nadifa, "kif se jkollhom in-nies tan-naħa t'isfel ta' Malta."

Dwar in-naħa t'isfel tal-pajjiż, Muscat qal li, "s-south mhux miżbla, imma huwa daqs l-inħawi l-oħra tal-pajjiż."

Joseph Muscat kompla jitkellem dwar il-proposti li tkellem dwarhom dalgħodu fil-qasam tan-negozji, b'iktar inċentivi sabiex jiġu attirati iktar negozji start-ups lejn il-pajjiż. 

Żied jgħid li l-Oppożizzjoni hija dgħajfa fil-proposti u fil-kritika tagħha, fejn staqsa x'kien ikun l-argument ta' Busuttil li kieku ma kienx hemm il-kwistjoni tal-Panama. Sostna li huwa għandu kuxjenza nadifa u kien hu stess il-Prim Ministru li daħħal il-liġi li neħħiet il-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi, u b'hekk, "kwalunkwe politiku, inkluż aħna, li jkun inqabad li seraq, jistħgu mhux ikunu għaddew 20 sena, imma jittella' l-Qorti u jeħel, "għalhekk, għandi kuxjenza nadifa u din il-liġi ma tbeżżgħani xejn. Min-naħa l-oħra, naraw min hu ipokrita, li jdur mal-liġi u jiffabbrika invoices foloz."

More in Politika