L-eks whip tal-Partit Laburista tefa' l-kandidatura tiegħu mal-Kummisjoni Elettorali iktar kmieni dalgħodu sabiex fl-elezzjoni tat-3 ta' Ġunju ikun kandidat tal-Partit Demokratiku.
Iktar kmieni dalgħodu, Farrugia ppubblika l-ittra tar-riżenja tiegħu li bagħat lill-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef, fejn saħaq li minkejja li l-Partit, "żamm ismu, tilef ruħu."
Iktar tard, il-kandidat il-ġdid tal-Partit Demokratiku tefa' filmat fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook fejn tkellem dwar ir-raġunijiet għalfejn ħa din id-deċiżjoni, fejn sejjaħ lill-pajjiż bħala marid, u hu se jkun qed jagħti l-enerġija tiegħu sabiex ifejqu.
"Ma nafx nitlaq pazjent marid, u daqstant ieħor ma nafx nitlaq pajjiż fi stat ta' mard. Għalhekk iddeċidejt li nagħti s-saħħa li baqgħali biex infejjaq lil dan il-pajjiż li hu tant f'qalbi," sostna Farrugia, li żied jgħid li kien se jissieħeb mal-Partit Demokratiku, li "twieled biex jassigura li intom tistgħu tagħżlu gvern nadif fl-elezzjoni ġenerali li ġejja."
Farrugia temm jgħid li tefa' n-nomina tiegħu, "biex bl-għażla tagħkom inkun nista' nservi bħala deputat tal-Partit Demokratiku fil-Parlament. Minn hawn 'l hemm se nħalli f'idejkom."