'Se nkunu hemm biex ir-ruħ Laburista narawha fil-Forza Nazzjonali'

Il-PN jippreżenta rekord ta' 110 kandidat għall-elezzjoni ġenerali, bi kwart minnhom ikunu nisa

Il-Kap tal-PD Marlene Farrugia sostniet li l-poplu la jrid lill-Gvern Nazzjonalista, li tneħħa fl-aħħar elezzjoni, u lanqas ma jrid lill-Gvern Laburista li kien tela' bl-għajta ta' 'Malta Tagħna Lkoll'. Waqt li kienet qed titkellem fid-Dar Ċentrali Nazzjonalista waqt it-tnedija tal-kandidati li se jkunu qed joħorġu għall-elezzjoni fuq il-lista tal-PN, Farrugia sostniet li qed tikkontesta għall-elezzjoni sabiex tkun tista' ddaħħal ir-'ruħ Laburista' f'din il-Forza Nazzjonali.

Marlene Farrugia appellat li f'dan il-mument, "mhux importanti l-ego, jew x'jisimna, imma s-servizz li lesti li nagħtu lill-pajjiżna, li nistgħu nagħtuh biss jekk inkunu Gvern aħjar."

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippreżenta l-110 kandidati li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta' Ġunju li ġej, fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista. Busuttil spjega kif dan huwa numru ta' kandidati rekord għall-Partit, bi kwart minnhom ikunu kandidati nisa, 20% minnhom ikunu kandidati żgħażagħ ta' taħt it-35 sena, waqt li 60% huma kandidati li qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba. 99 minn dawn il-kandidati huma f'isem il-PN u 11 f'isem il-Partit Demokratiku.

Busuttil insista li l-għan tiegħu huwa li l-forza nazzjonali tkun mibnija fuq l-idea ta' politika ta' kunsens, għaliex "huwa b'saħħtu min jirnexxielu jasal għal ftehim."

Rigward iż-żieda tal-Godfrey Farrugia mal-lista ta' kandidati fuq il-Partit Nazzjonalista, Busuttil qal li jilqgħu fi ħdan il-koalizzjoni, u sostna kif, "lil Godfrey, li kien whip tal-Gvern u sa ftit sigħat ilu, anke deputat tal-grupp Laburista, nilqgħu f'din il-forza b'idejja miftuħa." Dwar Marlene Farrugia, Busuttil qal li din għamlet dak li tħoss li hu fl-aħjar interess nazzjonali.

More in Politika