Felix Busuttil, li tkellem ilbieraħ fil-mass meeting tal-Partit Laburista, wieġeb għall-kritika li nfetħet kontrieh mill-Partit Nazzjonalista wara endorsement qawwi li ta' lill-PM Joseph Muscat u lill-Partit Laburista.
F'vena simili ħafna għall-attakki li saru fuq dawk kollha li dehru fuq il-billboards u riklami tal-PL fl-2013, Busuttil safa' attakkat minħabba l-karriera tiegħu u akkużat li qed jirċievi €50,000 minn impjieg li għandu fil-Kunsill tal-Arti. F'post li ntefgħet fuq il-portal 'Front Nazzjonali' il-partitarji Nazzjonalisti kienu mħeġġin biex ikissru (undermine) lil Felix Busuttil bil-verita'.
Busuttil, korjografu, għalliem u żeffien f'kumpaniji li bosta drabi kienu jkunu preżenti f'attivitajiet tal-PN fil-passat, wieġeb fuq il-facebook tiegħu. "Hekk tridu tattiraw lill-floaters? Bil-gideb?" staqsa Busuttil. "Qed jiġu ċċirkolati gideb dwari u dwar l-integrità tiegħi. Ilni naħdem mal-Kunsill tal-Arti, kif artist għandu dritt jagħmel, minn Settembru tal-2016 u nirċievi ħafna, ħafna inqas mill-gidba ivvintata għal 40 siegħa xogħol. Sempliċiment qed nitħasseb minn fejn oriġinat din il-gidba...gidba oħra mingħajr prova ta' xejn."
Felix Busuttil iddeskriva l-attakk fuqu hekk: "Dan juri kemm il-PN jista' jkun maħmuġ, malizzjuż u beżgħan mill-verità...turi d-disperazzjoni bbażata fuq fabrikazzjoni....kif qed tippretendu li tattiraw lill-floaters? Bil-gideb? Inbidlu emmnu fil-libertà tal-espressjoni."
Huwa temm jgħid li aktar kemm il-PN isir kattiv fil-konfront tiegħu, "iktar nitbiegħed mill-gideb tagħkhom u iktar nissaħħaħ f'dak li nemmen. Minn xhiex qed tibżgħu? Għalfejn intom daqstant kattivi? Disperazzjoni? Nuqqas ta' ċarezza? Jew il-biżà minnha nnifisha?...Meta intom tinżlu l'isfel jiena nitla' 'l fuq."