L-MHRA tgħid li Malta għandha tibqa' ffukata fuq it-tkabbir ekonomiku

Il-Malta Hotels and Restaurants Association tgħid li fl-2017 Malta se tilqa' rekord ta' 2,000,000 turist

Il-Malta Hotels and Reastaurants Association (MHRA) għadha kemm ressqet il-programm tagħha għal ħames snin li ġejjin lill-partiti politiċi. L-MHRA tfakkar illi dawn il-proposti qed isiru fid-dawl ta' tkabbir qawwi fl-industrija madwar id-dinja u anke f'pajjiżna.

"Malta irreġistrat rekord ta' wasliet kull sena  mill-2010 sa issa u din is-sena mistennija tinqabeż iċ-ċifra ta' żewġ miljun turist li se jkunu qed iżuru Malta.  Imma Malta trid toqgħod attenta milli tkun kompjaċenti u jeħtieġ nassiguraw li l-fokus tagħna jibqa' fuq it-tkabbir ekonomiku ta' Malta."

L-MHRA tammetti li d-diskors u l-kontroversji dwar governanza affettwaw ħażin il-monentum tal-pajjiż, imma saħqu wkoll li d-dibattitu m'għandux jeħel fuq il-governanza. L-MHRA temmen li ħadd m'għandu jitkellem dwar game over imma iktar dwar l-azzjonijiet tagħhom fuq it-tkabbir sostenibbli u l-iżvilupp tal-ekonomija. 

Fid-dawl ta' dan, l-MHRA qed tipproponi li l-Gvern li se jkun elett ipoġġi bħala priorità il-konsolidazzjoni fiskali, li jkun hemm evalwazzjoni tal-akkomodazzjoni, li jkunu mħeġġin aktar inizjattivi mal-privat, li jkun inkoraġġut investiment u li jkun hemm titjib ambjentali u fid-dehra tal-pajjiż. L-MHRA qed tipproponi wkoll miżuri għas-sostenibilità u reżiljenza tal-industrija u biex ir-reputazzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni sigura tibqa' intatta. 

L-aħħar snin kienu tajbin ferm għat-turiżmu, b'Malta tirreġistra fost l-akbar rata ta' tkabbir fit-turiżmu fl-Ewropa kollha. 

 

 

 

 

More in Politika