Kif mistenni, maġġoranza kbira ħafna ta' dawk li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista se jagħmlu dan minħabba l-korruzzjoni. Fil-fatt skont stħarriġ li sar mill-gazzetta Maltatoday xejn inqas minn 72% ta' dawk li se jivvutaw lill-PN iħossu li l-akbar problema tal-pajjiż hija l-korruzzjoni. Mistoqsijin x'inhi l-kwistjoni li l-aktar illi qed tinkwietahom u li dwarha se jivvutaw, 59% tan-Nazzjonalisti jew dawk li se jivvutaw PN qalu li se jagħmlu dan għab-bażi tal-kwistjoni tal-korruzzjoni. Intant 13.5% qalu li se jivvutaw PN minħabba l-kwistjoni Panama.
Intant stħarriġ ieħor li sar nhar il-Ħadd li għadda u li kien ippublikat fuq il-ġurnal tal-GWU it-Torċa, jindika li l-ekonomija, l-kontijiet, is-surplus u l-ben essere tal-familja tagħhom qed jiffavorixxi sew lill-Partit Laburista. Fil-fatt 66% ta' dawk li pparteċipaw f'dan l-istħarriġ qed jgħidu illi jħossu li l-fatt li l-pajjiż għamel suprplus se jimpatta tajjeb f'ħajjithom filwaqt li l-maġġoranza assoluta, 58%, qed jgħidu li f'dawn l-erba' snin il-pajjiż mar għall-aħjar. Skont dan l-istħarriġ, 20.2% qalu li l-pajjiż baqa' fejn kien filwaqt li 21.8% qed jgħidu li l-pajjiż mar għall-agħar.
U l-but? L-istess sondaġġ li sar minn Sagalytics għat-Torċa, juri illi 49.6% ta' dawk li wieġbu qalu illi għandhom iktar flus fil-but, 35.7% qalu li m'għandhomx aktar flus fil-but u 11.9% qalu li m'għandhox wisq aktar flus fil-but.
Intant ilbieraħ il-gazzetta Maltatoday ippublikat iċ-ċifri kollha tas-sondaġġi differenti li saru fl-ewwel ġimgħatejn tal-kampanja. Wara li taqta' lil dawk li ma jirdux jew ma jafux kif se jivvotaw, dak tal-Maltatoday jagħti vantaġġ lill-Partit Laburista b'maġġoranza ta' 52%, dak ta' Xarabank jagħti vantaġġ lill-Partit Laburista b'50.6%,tal-Independent jagħti vantaġġ lill-Partit Laburista b'53.4%, filwaqt li dak tat-Torċa jagħti vantaġġ lill-istess partit ta' 55.9%.
Fuq kwistjoni ta' fiduċja, l-istħarriġ tat-Torċa juri lill-PM minn fuq, 44.7% jafdaw lilu l-aktar bħala PM, filwaqt li 31.3% jafdaw aktar lil Busuttil, tal-Independent ta' vantaġġ lil Muscat b'51.4% u Busuttil b'38.8% u tal-Maltatoday jagħti vantaġġ lil Muscat ukoll b'43.7% filwaqt li Busuttil huwa fdat minn 38.4% tal-votanti
Dan ifisser li differenza li tvarja minn 13.4% (Torċa), 12.6% (Independent) u 5.3% (Maltatoday).