Meta mistoqsi direttament jekk ikunx qed jirreżenja mill-kariga li jkollu, jekk jirriżulta li l-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru, Simon Busuttil qal li l-akkużi ma kinux fuqu.
Waqt id-dibattitu bejn il-mexxejja fl-Università, il-Prim Ministru reġa’ sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex jgħid jekk hux se jirreżenja, jekk jiġu pruvati foloz l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant.
Busuttil saħaq li dawn l-allegazzjonijiet ma sarux fil-konfront tiegħu, u xogħlu kien biss li jindirizza l-akkużi li saru. “L-allegazzjonijiet serji saru minn persuna li rat b’għajnejha u mhux jien. Minn fuq, fetħu l-kanuni fuq il-whistleblower,” sostna Busuttil.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li hu se jkun qed jirreżenja mill-kariga li jkollu, tkun xi tkun jekk jinstabu li huma vera l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. “Jien m’iniex marbut mas-siġġu. Anke jekk inkun sempliċiment membru tal-Parlament, nirreżenja mill-kariga,” sostna Muscat waqt li żied li, “jien nerfagħha r-responsabbiltà, mhux bħal Kap tal-Oppożizzjoni.”
Dwar dan, il-Kap tal-PD qalet kif l-għażla tal-elezzjoni m'għandhiex tiddependi mill-inkjesta, iżda għandhom jiġu ġġudikati fuq l-aħħar erba' snin tal-Gvern, "li fihom biegħ lil pajjiżna f'kuntratti li ma nafux fihom."