Il-Partit Nazzjonalista oppona għall-kandidatura tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg għaliex din ma ntefgħetx minnu personalment iżda mis-segretarju personali tiegħu, wara li Borg ma kienx f'pożizzjoni li jitfagħha personalment minħabba raġunijiet ta' saħħa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Ian Borg qal kif kwarta qabel ma għalaq il-perjodu allokat għal oppożizzjonijiet għall-kandidaturi, il-PN oppona mal-Kummissjoni Elettorali.
Dwar dan, il-Kummissjoni Elettorali semgħet il-każ, u dalgħodu ma laqgħetx din l-oppożizzjoni u għaldaqstant, il-kandidatura ta' Borg ġiet approvata.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista Michael Falzon, li kien qed jitkellem matul il-konferenza tal-aħbarijiet sostna kif fis-26 sena li hu ilu jservi fil-Kummissjoni Elettorali min-naħa tal-Partit Laburista, "qatt ma rajt oppożizzjoni bħal din immotivata fuq attakk personali u distruttiv." Falzon saħaq li hawnhekk, ġiet applikata oppożizzjoni ta' mibgħeda, għax dan kien każ ta' saħħa.
Qal ukoll kif żgur li mhux l-ispirtu tal-liġi li, "tagħmel tattiċi maħmuġa biex twassal għal politika ta' livell baxx," waqt li sostna li jiftakar żminijiet aħjar fil-PN.