Il-Partit Laburista qed iwiegħed li jekk elett, se jkun qed jagħmel għadd ta' proġetti fejn jidħol l-isport. Fost l-oħrajn, semma kif se tkun qed tinbena shooting range għad-dilettanti tal-isparar, f'Ta' Kandja. Il-Prim Ministru li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, qal kif din ix-shooting range mistenni tiġi tiswa mas-€7 miljun b'investiment bejn il-Gvern u l-privat.
Muscat sostna kif dan il-proġett se jkun qed jgħaqqad żewġ proġetti flimkien, biex dan ikun qrib l-akkademja l-ġdida tal-pulizija. Intqal kif dan il-proġett għandu jkun mikxuf, b'żoni ta' rikreazzjoni u parkeġġ. Qal ukoll li jittama li dan il-proġett ikun lest fiż-żmien sabiex tkun tista' ssir it-tazza tad-dinja tal-isparar f'Malta.
Ġie mħabbar ukoll kif se jkun qed jinbena grawnd għar-rugby f'Għajn Dwieli b'kollaborazzjoni ma' Hibernians. Dan minbarra pixxina f'Għawdex li waslet biex jibdew ix-xogħlijiet, u dan minbarra l-pixxina f'Birżebbuġa, kif ukoll pixxina mgħottija fil-Kottonera, li tagħha ħareġ il-permess illum.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport ħabbar ukoll li għandu jkun hemm diskussjonijiet dwar bini ta' kumpless sportiv fil-Qawra, bil-possibbiltà ta' parkeġġ taħt l-art. Qal ukoll kif se jkun qed jingħata sports leave bi ħlas lil dawk il-persuni li jkunu se jirrappreżentaw lill-pajjiż f'xi kompetizzjonijiet.