
Joseph jew Simon? (1) - Graziella u Julia
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ sitt kandidati nisa miż-żewġ partiti ewlenin dwar l-irwol tan-nisa fil-parlament, il-ħidma prospettiva tagħhom jekk ikunu fil-Parlament u l-andament tal-kampanja elettorali...din hija l-ewwel parti
minn Veronica Lynn Mizzi

Graziella Galea
Isem: Graziella Galea
Età: 33
Distretti: 11 u 12
Professjoni: Perit
X’ġiegħlek tidħol fil-politika?
Twelidt u trabbejt fil-politika. Bħala żagħżugħa ħassejt li stajt nagħti kontribut iktar dirett fil-politika u allura ddeċidejt li nikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fejn ġejt eletta bħala Sindku, liema kariga nservi wkoll illum. Permezz tal-politika nemmen li nista' nservi lil pajjiżi sabiex dan jimxi 'l quddiem, u naraw titjib f'diversi setturi.
Fuq xiex se taħdem jekk tiġi eletta?
Matul l-aħħar għaxar snin, permezz tal-Kunsill Lokali, stajt nara x'inhuma l-problemi li n-nies jiltaqgħu magħhom, fil-ħajja ta' kuljum. Tgħallimt dwar dawk ir-realtajiet soċjali liż-żgħażagħ iridu jaffaċċjaw kuljum. Stajt nara kif jintlaqtu dawk il-familji li f'daqqa waħda jkollhom jaffaċċjaw ċirkostanzi li ma kinux qegħdin jistennew. Jekk niġi eletta rrid nara li dawn iċ-ċirkostanzi u ċirkostanzi oħra simili tagħhom jiġu indirizzati.
Bħala kandidata mara, x’temmen li għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, partikolarment f’dak politiku?
Bħala mara nagħraf li n-nisa jridu jaffaċċjaw diffikultajiet ikbar, speċjalment jekk ikunu ommijiet, biex ikunu jistghu jservu fil-ħajja pubblika. Li tkun mara u omm m’għandiex tkun żvantaġġ għall-parteċipazzjoni f'livelli diversi. Minn l-esperjenza diretta tiegħi meta tokkupa karigi pubbliċi, li n-nisa kapaċi jaqdu dmirhom b'mod tajjeb anke meta jkollhom sitwazzjonijiet diffiċli. Aħna n-nisa stess għandna nagħrfu dawn il-kapaċitajiet, u nemmnu fina nfusna.
Min-naħa l-oħra fil-ftit snin li għaddew li fihom rajna t-tmexxija tal-Partit Laburista, stajna faċilment nindunaw kif flok ġie l-ewwel pajjiżna, ġie l-ewwel l-interess personali Graziella Galea, Kandidata PN
Għaliex għandu jirbaħ il-Partit Nazzjonalista?
Pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni diffiċli ħafna, u qed nirriskjaw li nitilfu dak kollu li nbena matul ħafna snin. Il-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit li jista' jagħti d-direzzjoni li tistħoqq lil pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista matul iż-żmien li ggverna pajjiżna wera titjib bil-provi, u għaldaqstant għandu jkun il-PN li jerġa’ jiġi fdat bit-tmexxija ta' pajjiżna sabiex iwettaq dak li jwiegħed.
Għaliex m’għandux jirbaħ il-Partit Laburista?
Min-naħa l-oħra fil-ftit snin li għaddew li fihom rajna t-tmexxija tal-Partit Laburista, stajna faċilment nindunaw kif flok ġie l-ewwel pajjiżna, ġie l-ewwel l-interess personali. Kellna diversi politiċi li flok raw li jservu lil pajjiżna, raw kif jużaw il-politika biex jisservew huma. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar. Jixraqlu tmexxija onesta.
Ladarba l-pajjiż sejjer tajjeb, għalfejn għandu jinbidel il-Gvern?
Li wieħed jgħid li pajjiżna sejjer tajjeb hi dikjarazzjoni pjuttost pożittiva għal dak li qed jiġri f'pajjiżna. Li isem pajjiżna jitħammeġ internazzjonalment żgur ma jistax jitqies bħala kunsiderazzjoni li pajjiżna sejjer tajjeb. Li jkollok diversi li jsibuha ferm diffiċli li jkollhom ħajja deċenti sal-aħħar tax-xahar lanqas ma tista' titqies li pajjiżna sejjer tajjeb.
Simon Busuttil dejjem baqa’ konsiderevolment inqas fdat minn Joseph Muscat, f’kull stħarriġ. Għaliex taħseb li qed ikun dan?
Dr. Busuttil beda t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wara telfa elettorali ta' iktar minn 36,000 vot, u ried ikollu kuraġġ kbir biex jidħol għal din it-tmexxija. Dan ġab miegħu sfida kbira għal dak li jikkonċerna l-fiduċja fil-mexxejja. Madanakollu tajjeb wieħed jinnota li l-fiducja f'Simon Busuttil baqgħet tiżdied, u konvinta li dan ser ikompli jseħħ fil-ġimgħat li ġejjin.
----------------------------------------------------------------------------
Julia Farrugia Portelli
Isem: Julia Farrugia Portelli
Età: 40 sena
Distretti: 5 u 7
Professjoni: Ġurnalista u Manager fi Projects Malta Ltd, taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru
X’ġiegħlek tidħol fil-politika?
Tul dawn l-aħħar 20 sena bħala ġurnalista użajt il-pinna bħala l-vuċi tan-nies.
Meta erba’ snin ilu ġejt avviċinata minn Dr Joseph Muscat biex nikkontesta l-elezzjoni m’għidtx iva għax quddiemi ġibt lil binti Eliza li dak iż-żmien kellha biss 4 xhur. Għad li ma kinitx deċiżjoni faċli, ftit ġimgħat ilu kkonfermajt l-impenn tiegħi f’din l-elezzjoni ġenerali.
L-unika għan li għandi hu li sad-data tal-elezzjoni nkompli nisma’ eluf ta’ każijiet li kienu għadhom mhux mismugħa. Persentaġġ kbir mill-każijiet solvejnihom.
Fuq xiex ser tkun qed taħdem jekk tiġi eletta?
Mhux qed inħares lil hinn mit-3 ta’ Ġunju. Dik prerogattiva tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.
Ikun xi jkun l-irwol tiegħi taħt Gvern Laburista, inwiegħed li se nkun viċin in-nies u nibqa’ nkun il-vuċi tal-poplu dejjem u mhux meta tkun ġejja elezzjoni ġenerali biss. Se nibqa’ nisma’ lin-nies. U naħdem fuq dak li dejjem emmint fih: ġustizzja soċjali, ugwaljanza u l-qerda tad-diskriminazzjoni.
Bħala kandidata mara, x’temmen li għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, partikolarment f’dak politiku?
Nemmen li għandna nkomplu nibnu fuq il-pedament sod li bnejna f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Dwar il-parteċipazzjoni fil-Parlament, nemmen li l-ħinijiet tal-Parlament mhumiex family friendly kemm jekk int raġel kif ukoll jekk int mara. Dan huwa fattur ewlieni li jbiegħed lin-nies bit-tfal żgħar mill-politika. Għandna nsibu mudell li jagħmel aktar sens, jew nikkunsidraw serjament il-kunċett li min ikun fil-Parlament jagħmel dan full time.
Għaliex għandu jirbaħ il-Partit Laburista?
Se nwieġbek bl-istess tweġiba li tani eks-Nazzjonalist, li se jivvota għall-ewwel darba lill-PL. Qalli li l-pajjiż għandu jkollu kontinwità b’serenità mingħajr skossi ekonomici u inċertezzi. Fi kliemu, s’issa l-PN ma kienx konvinċenti fil-ftit wegħdi li għamel.
Jien nemmen li l-PL għandu jirbaħ għaliex hu l-unika partit f’Malta fl-istorja, li sejjer għal elezzjoni b’90% tal-wegħdi elettorali mwettqa fl-ewwel erba’ snin.
Għandu jirbaħ ukoll għax fit-tmexxija tiegħu hemm Joseph Muscat, li wera r-rieda u l-ħila tiegħu biex imexxi dan il-pajjiż li tant jgħożż, kemm fuq livell nazzjonali u anke internazzjonali. Nemmen ħafna fil-proposti tal-Partit Laburista għaliex huma studjati tajjeb, costed u realistiċi.
Għaliex m’għandux jirbaħ il-Partit Nazzjonalista?
It-track record tal-PN hu l-aqwa raġuni. Aqbad il-programmi elettorali ta’ kull elezzjoni u ara kemm irnexxielhom iwettqu fuq medda ta’ 25 sena.
Hemm track record ieħor: ilkoll rajna u smajna l-attakki u l-akkużi bla bażi li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat. Dawn l-attakki juru biċ-ċar sa liema punt lest jasal il-Partit Nazzjonalista biex ikun fil-poter.
Ilkoll rajna u smajna l-attakki u l-akkużi bla bażi li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat. Dawn l-attakki juru biċ-ċar sa liema punt lest jasal il-Partit Nazzjonalista biex ikun fil-poter Julia Farrugia, Kandidata PL
Barra minn hekk, nemmen li hemm diskrepanzi kbar fil-proposti ta’ Dr Simon Busuttil u Dr Marlene Farrugia. Ħafna mill-proposti lanqas biss huma costed, u oħrajn saħansitra diġà ġew imwettqa mill-Partit Laburista!
Ma tħossx li l-każ Panama tefa’ dell fuq ix-xogħol kollu li jagħmel il-Gvern?
Il-PN għandu track record li qabel kull elezzjoni jipprova jħammeġ u jitfa’ t-tajn. Ħares lejn l-elezzjonijiet li saru mill-1996 u ssib li wara l-allegazzjonijiet infondati, snin wara, il-Qrati dejjem taw raġun lill-Partit Laburista. Każ tipiku: lejlet elezzjoni minnhom l-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami gideb fuq Alfred Sant u snin wara nstab ħati fi proċeduri legali.
In-nies rasha fuq għonqha. Il-kisbiet u r-riżultati tajbin li ġab dan il-Gvern ma jista’ jħassarhom ħadd. L-ebda gidba ma tiżboq dan.
Minkejja li Joseph Muscat huwa fdat iktar minn Busuttil, id-differenza bejn il-partiti llum naqset ħafna. Għalfejn taħseb li hu dan?
L-aqwa stħarriġ hu dak tat-3 ta’ Ġunju. Nemmen li Joseph Muscat igawdi ħafna aktar fiduċja minn Simon Busuttil mhux għax qed jgħiduh l-istħarriġ imma għaliex il-fatti juru li Joseph Muscat dejjem wettaq dak li wiegħed u għandu l-kredenzjali ekonomiċi ideali biex imexxi pajjiż.
Min-naħa l-oħra s’issa Dr Simon Busuttil ma rnexxilux iwettaq l-aktar punti bażiċi fi ħdan il-partit tiegħu stess – fosthom ir-riforma li kien hemm bżonn internament, u li jindirizza l-problemi ekonomiċi fil-partit.
In-nies kontinwament tistaqsi dwar Simon Busuttil. Jekk ma kienx kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet interni, kemm se jkun kapaċi jieħu deċiżjonijiet akbar fuq livell nazzjonali?