Jekk verament irridu nsaħħu d-demokrazija
Il-Kandidat tal-PN Joe Ellis ma jaqbilx mal-proposta li jitneħħa l-privileġġ Parlamentari .... jappella lil Muscat biex jieqaf ikun populist u jkeskes lin-nies kontra l-privileġġi "limitati" tad-Deputati
minn Joe Ellis
Il-ġimgħa l-oħra, waqt illi għalaq il-Kungress tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar illi huwa kien favur it-tneħħija tal-immunità li fil-preżent igawdu d-deputati parlamentari. Tajjeb illi wieħed jirrifletti ftit dwar din id-dikjarazzjoni.
Fl-ewwel lok, tajjeb illi nippreċiżaw eżatt xi jgawdu l-parlamentari tagħna. Mhuwiex minnu illi jgawdu immunità bħalma jgawdu oħrajn bħalma huma dawk Taljani jew Ewropej. Jekk xi parlamentari jwettaq xi reat, jista’ jiġi arrestat u jitressaq il-qorti bħal kwalunkwe ċittadin ieħor. Ma hemm l-ebda ħtieġa illi l-Parlament ineħħi xi immunità illi fil-fatt ma teżistix.
L-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, Kap.113 tipprovdi illi ma jistgħu jittieħdu “Ebda proċediment ċivili jew kriminali ...kontra ebda membru tal-Kamra tad-Deputati (hawnhekk ’il quddiem imsejħa "il-Kamra") għal kliem li jingħad minnu quddiem il-Kamra jew Kumitat tagħha...”
L-iskop ta’ dan il-privileġġ huwa ċar: deputat elett mill-poplu għandu jkollu l-libertà illi jgħid dak kollu illi jħoss illi għandu jgħid fl-interess tal-kostitwenti tiegħu mingħajr biża’ illi tittieħed xi azzjoni kriminali jew ċivili fil-konfront tiegħu. Dan il-privileġġ għandu oriġini storika sabiex jipproteġi depuati mill-indħil tal-monarki. Id-deputat illi juża dan il-privileġġ spiss jiġi sfidat id-diskors tiegħu barra l-Kamra mingħajr immunità. Ġieli jsir hekk u ġieli ma jsirx.
Muscat jista’ jiftaħar illi ta bosta drittijiet u dinjità lil min hu sesswalment divers imma ma jistax jgħid illi għamel xi sforz biex isaħħaħ id-demokrazija parlamentari f’pajjiżna, anzi qed idgħajjifha b’diversi mezzi Joe Ellis
Muscat għandu jispjega għala jħoss il-ħtieġa illi dan il-privileġġ jintneħħa għaliex qajla wieħed jista’ jgħid illi qiegħed jiġi abbużat. L-allegazzjonijiet l-aktar serji dwar dan il-gvern ma sarux fil-parlament imma fuq xi blogg jew fil-ġurnali. Saru ħafna kawżi ta’ libell u anke mandati ta’ sekwestru. Kemm verament sar abbuż tal-privileġġ parlamentari?
Din id-dikjarazzjoni ta’ Muscat tiżvela aspett ferm inkwetanti dwaru. Muscat jista’ jiftaħar illi ta bosta drittijiet u dinjità lil min hu sesswalment divers imma ma jistax jgħid illi għamel xi sforz biex isaħħaħ id-demokrazija parlamentari f’pajjiżna, anzi qed idgħajjifha b’diversi mezzi. Għaliex fl-ewwel lok, meta wieħed ma jiħux ħsieb sabiex isaħħaħ istituzzjoni, ikun awtomatikament dgħajjifha. Fit-tieni lok, ilkoll niftakru l-passat ta’ Joseph Muscat. Malli laħaq kap tal-Partit Laburista, ma damx ma ssabotaġġja l-ħidma siewja illi kien qed jagħmel il-Kumitat Magħżul tal-Kamra dwar it-Tisħiħ tad-Demokrazija. Wiegħed Konvenzjoni Kostituzzjonali sabiex twelled dak illi sejjaħ b’tant bombastiċiżmu t-Tieni Repubblika. F’erba’ snin ma kellna l-ebda xamma ta’ dina l-famuża Konvenzjoni.
Imma forsi l-aktar ħaġa negattiva ta’ Joseph Muscat fir-rigward tal-Parlament hija l-mod kif ittratta r-rinumerazzjoni tal-Parlamentari. Muscat għamel kapital politiku kbir fir-rigward tal-isforzi tal-gvern Gonzi sabiex iżid l-onorarju tal-Parlamentari. Id-deputati ma jirċivux salarju mill-gvern imma onorarju u dan sabiex jissalvagwardjaw l-indipendenza tagħhom. Kif ktibt diversi drabi, parlamentari Ingliżi jirriżenjaw billi japplikaw għall-impjieg mal-gvern (Ara “Chiltern Hundreds” tas-7 t’April 2013, “Is-sajf huwa żmien ikrah għall-Parlament” tal-1 ta’ Settembru 2013 u ‘Minestra Msaħna fis-Sette Giugno” tas-7 ta’ Ġunju 2015). F’Malta l-onorarju tal-parlamentari huwa baxx. Wara li Muscat irnexxielu jimblokka żieda mistħoqqa ta’ dan l-onorarju, wara li sar Prim Ministru beda jaħtar id-deputati Laburisti f’diversi karigi sabiex iżidilhom id-dħul tagħhom. Offra anke lid-deputati Nazzjonalisti illi jagħtihom karigi fl-eżekuttiv, offerta illi fortunatament ma ġietx aċċettata. L-iskop huwa ċar: meta deputat jiddependi għad-dħul tiegħu fuq il-beneplaċitu tal-Prim Ministru, hemm anqas ċans illi ser jiċċaqlaq mil-linja tal-Partit.
Ħaġa degradanti li introduċa Muscat hi li deputati titnaqqsilhom l-onorarja jekk ma jattendux għas-seduta parlamentari. Bħal dak li qallu illi l-ħidma u l-effettività ta’ deputat tiddependi minn kemm jattendi seduti parlamentari. X’jiswa illi jkollok deputat illi jattendi dejjem imma qatt ma jiftaħ ħalqu jew qatt ma jagħmel interpellanza? Joe Ellis
Effettivament, b’dawn il-ħatriet illi mhumiex dejjem skont il-Kostituzzjoni, il-Prim Ministru qed jikkontrolla l-maġġoranza parlamentari tiegħu. U dan ċertament mhuwiex san f’demokrazija parlamentari. Il-Parlament qiegħed hemm sabiex jisskrutina l-operat tal-eżekuttiv u għalhekk, teżisti s-separazzjoni tal-poteri. Meta l-parlamentari jsiru parti mill-eżekuttiv billi jmexxu partijiet minnu, jimminaw ir-rwol fundamentali tagħhom. U nispiċċaw ndgħajfu d-demokrazija parlamentari.
Ħaġa oħra degradanti illi introduċa Muscat wara wegħda elettorali hi illi deputati titnaqqsilhom l-onorarju jekk ma jattendux għas-seduta parlamentari. Bħal dak li qallu illi l-ħidma u l-effettività ta’ deputat tiddependi minn kemm jattendi seduti parlamentari. X’jiswa illi jkollok deputat illi jattendi dejjem imma qatt ma jiftaħ ħalqu jew qatt ma jagħmel interpellanza?
Muscat għandu jieqaf milli jkompli jipprova jirkeb il-mewġa populista u jkeskes in-nies kontra l-privileġġi limitati tal-parlamentari li qegħdin hemm, mhux biex jipproteġu lid-deputati imma biex jippermettulhom jaqdu dmirijiethom sew fl-interess tal-poplu.
Nagħlaq billi nibdel ftit is-suġġett. Il-kampanja elettorali hija fil-preżent iddominata mill-inkjesti maġisterjali illi nfetħu. L-ewwel waħda nfetħet wara li saru l-allegazzjonijiet illi Egrant hija tal-mara tiegħu u l-Prim Ministru ta’ struzzjonijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jitlob il-ftuħ tagħha. Qabel dawn l-istruzzjonijiet, il-Kummissarju m’għamel xejn imma qagħad paxxut l-Imġarr jiekol il-fenek.
It-tieni inkjesta nfetħet meta l-Kap tal-Oppożizzjoni ppreżenta provi quddiem il-maġistrat inkwirenti dwar l-Egrant illi Keith Schembri rċieva €100,000 mingħand kumpanija ta’ Brian Tonna wara l-bejgħ ta’ tliet passaporti. Dan il-maġistrat deherlu illi tali provi għandhom jitressqu quddiem maġistrat inkwirenti ieħor. Kieku mhux għall-bidla fil-liġi wara inkjesta illi saret dwar il-Fundazzjoni għall-Iskejjel t’Għada fi żmien Gonzi, din l-inkjesta kienet issir mill-maġistrat tal-għassa imma minflok qiegħda ssir minn waħda illi ntgħażlet bil-polza.
It-tielet inkjesta qiegħda ssir fuq talba tal-pulizija fuq kwerela ta’ Pilatus Bank wara li The Malta Independent ippubblika r-rapport xejn sabiħ illi għamlet l-F.I.A.U. dwaru. Din id-darba l-pulizija qabdu u talbu l-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali mingħajr l-anqas indenjaw jagħmlu investigazzjonijiet preliminari kif normalment jagħmlu.
Huwa ċar illi l-pulizija ma jistgħux jibqgħu jiġu fdati kif u meta jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesta
maġisterjali. Huwa minnu illi anke ċittadin ordinarju jista’ jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta imma din hija xi ħaġa tassew eċċezzjonali li m’għandhiex tibqa’ hekk. L-anqas m’hu sew illi minħabba dawn l-inkjesti, ix-xogħol ordinarju tal-qorti qiegħed jixxekkel. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar ir-Riforma fis-Sistema Ġudizzjarja kien ippropona l-ħatra ta’ maġistrati inkwirenti illi xogħolhom ikun biss li jwettqu l-inkjesti u li għandu jkollhom anke d-dritt illi jibdew inkjesti huma spontanjament, għalkemm il-liġi llum dan ma tipprojbixxihx.
Jekk verament irridu nsaħħu d-demokrazija f’pajjiżna, kwalunkwe gvern ġdid għandu jagħti kas il-kwistjoni tal-parlamentari u tal-maġistrati inkwirenti. Altrimenti ser nibqgħu dejjem fl-istat preżenti ta’ eżekuttiv ferm f’saħħtu illi juża l-istituzzjonijiet parlamentari u ġudizzjarju kif jaqbillu u dana għad-detriment tal-governanza tajba u d-drittijiet u libertajiet tagħna lkoll.
Joe Ellis huwa kandidat tal-PN fuq id-distrett ta’ Għawdex